Lokali

Imniedi l-Voice of the Workers Portal tal-UĦM

Tnieda l-Voice of the Workers Portal li l-Union Ħaddiema Magħqudin qed tmexxi flimkien mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, qal li l-portal jittratta s-saħħa, it-trasport pubbliku, l-edukazzjoni, il-pensjonijiet u l-ambjent.

Fit-tnedija, quddiem il-binja tal-Parlament il-ġdid, l-Ispeaker Anġlu Farrugia saħaq fuq l-importanza li l-vuċi tal-ħaddiem tingħata widen fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, u li jekk il-ħaddiem ma jingħatax mezzi biex jesprimi lilu nnifsu, hemm iċ-ċans li l-faqar ikompli jikber.

L-Ispeaker iddeskriva din l-inzjattiva bħala waħda ta’ importanza partikolari għaliex b’hekk il-ħaddiem iżid l-għarfien u s-sehem attiv tiegħu fid-djalogu soċjali. Semma li s-seduti fil-Parlament il-ġdid se jkunu trasmessi fuq it-televiżjoni biex b’hekk ikun hemm iżjed trasparenza parlamentari.