Internazzjonali

It-traġedja tal-Germanwings: Tkompli t-tfittxija fiż-żona tat-traġedja

It-tfittxija fiż-żona tat-traġedja tal-ajruplan tal-Germanwings kompla kmieni dalgħodu. L-ajruplan iġġarraf b’150 persuna abbord.

Uffiċjali qed iwissu li l-operazzjoni tista’ ddum għaddejja ġranet sħaħ, partikolarment minħabba ż-żona mwarrba li l-ajruplan iġġarraf fiha.

L-Airbus A320 tal-Germanwings, kumpanija sussidjarja ta’ Lufthansa, kien qed itir minn Barċelona fi Spanja għal Dusseldorf fil-Ġermanja meta għal xi raġuni waqa’. Kollox qed jindika li ħadd mill-150 persuna abbord ma salva.

L-awtoritajiet jemmnu li 67 persuna kienu Ġermanizi, fosthom 16-il student li kienu qed jirritornaw minn skambju. It-titjira kienet qed iġġorr ukoll ċittadini mill-Awstralja, t-Turkija, d-Danimarka, l-Olanda, l-Belġju u Spanja. L-awtoritajiet Maltin fl-aħħar sigħat qalu li ma jirriżultax li kien hemm Maltin abbord it-titjira.

Permezz ta’ ħelikopters, tim għat-tiftix u s-salvataġġ waslu fiż-żona tat-traġedja t-Tlieta fejn sabu l-kaxxa s-sewda – pass importanti biex ikun stabbilit eżattament x’ġara.

Agħfas hawn għal rappurtaġġ estensiv li kien ippubblikat ilbieraħ malli ħarġet l-aħbar tat-traġedja.