Lokali Parlament Saħħa

Jibqa’ jirrifjuta għal erba’ xhur biex jgħid kemm hemm pazjenti jistennew għal operazzjoni

Jibqa’ jwieġeb fil-Parlament li l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Il-Gvern jibqa’ għal erba’ xhur sħaħ jirrifjuta li jagħti informazzjoni dwar operazzjonijiet u interventi pendenti fl-Isptar Mater Dei jew f’xi sptar ieħor tal-Gvern, u naqas ukoll li jagħti informazzjoni dwar kemm hu twil il-perjodu ta’ stennija tal-pazjenti għall-operazzjonijiet.

Illum waranofsinhar, il-Ministru għas-Saħħa u Enerġija Konrad Mizzi reġa’ ta l-istess tweġiba fil-Parlament, li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, minkejja li din il-mistoqsija ilha li saret aktar minn erba’ xhur ilu, mis-17 ta’ Novembru tas-sena l-oħra.

Ix-Shadow Minister Claudio Grech, dak iż-żmien bħala l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, kien talab lill-Ministru Konrad Mizzi jagħti l-informazzjoni dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jistennew intervent u/jew operazzjoni fl-Isptar Mater Dei jew f’xi sptar ieħor, u jagħti n-numru ta’ pazjenti skont kull kategorija ta’ intervent mediku. Kien mitlub ukoll jgħid kemm ilhom jistennew il-pazjenti, u jelenka dawk li ilhom anqas minn tliet xhur; bejn tliet xhur u sitt xhur; bejn seba’ xhur u 12-il xahar; bejn 13-il xahar u 24 xahar; bejn 25 xahar u 36 xahar; u aktar minn 36 xahar.

Fid-9 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, il-Ministru Konrad Mizzi ddikjara fi tweġiba li kien ta, li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar.

L-istess mistoqsija kienet reġgħet saret mill-istess Deputat Nazzjonalista Claudio Grech fil-31 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, b’risposta oħra tingħata fl-24 ta’ Frar mingħajr ma nagħatat ukoll l-informazzjoni għaliex intqal ukoll dakinhar, tliet xhur wara, li kienet għadha qed tinġabar.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg reġgħet ressqet l-istess mistoqsija fit-2 ta’ Marzu li għadda, u irreferiet lill-Ministru għall-mistoqsijiet preċedenti, u talbitu jagħti l-informazzjoni li kenet intalbet sa minn Novembru li għadda.

Għat-tielet darba f’erba’ xhur, il-Ministru Konrad Mizzi jerġa’ jwieġeb bl-istess mod – li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, bil-Ministru Mizzi jibqa’ jirrifjuta anke wara erba’ xhur biex jagħti din l-informazzjoni.