Internazzjonali

Jintlemħu l-ewwel katavri

Ħaddiema tas-salvataġġ l-Erbgħa lemħu l-ewwel katavri tat-traġedja tal-ajruplan tal-Germanwings li ġġarraf fuq l-Alpi Franċiżi nhar it-Tlieta.
Il-post fejn iġġarraf l-ajruplan hu wieħed remot ħafna u l-uniku aċċess hu b’ħelikopter. Il-ħaddiema tas-salvataġġ irnexxielhom isibu waħda mill-kaxxi s-suwed, dik li tirreġistra dak li jkun qed jintqal mill-bdoti, imma din għandha ħsara kbira. B’kollox ikun hemm żewġ kaxxi suwed abbord ajruplan u l-oħra tirreġistra l-mod kif ikun qed jaħdem l-ajruplan. Dik li nstabet hi magħrufa bħala l-voice recorder.
Carsten Spohr, il-Kap tal-Lufthansa, qal li s’issa hu misteru x’wassal għal din it-traġedja. Dan peress li ftit ġranet qabel kienet saret spezzjoni fuq l-ajruplan Airbus A320 u l-bdot kellu ħafna esperjenza.
L-Erbgħa fil-post fejn iġġarraf l-ajruplan marru l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, kif ukoll il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy akkumpanjat mill-President Franċiż Francois Hollande.