Lokali

Malta titlef sitt postijiet fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa

L-Ażerbajġan fil-160 post u ċ-Ċina fil-175 post minn 180 pajjiż

Matul is-sena li għaddiet Malta tilfet sitt postijiet fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa (World Press Freedom Index 2014) tant li mill-45 post issa niżlet għall-51 post.

Fl-istess indiċi, l-Ażerbajġan tilef erba’ postijiet u jinsab fil-160 post u ċ-Ċina tilfet żewġ postijiet u tinsab fil-175 post minn 180 pajjiż.

Dawn huma żewġ pajjiżi li l-Gvern Malti qed jaħdem mill-qrib magħhom fil-qasam tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija.

‘Reporters Without Borders – for freedom of information’, li jippubblika din il-klassifika, jispjega kif il-pożizzjonijiet ta’ numru ta’ pajjiżi f’dan l-indiċi s-sena l-oħra kienu effettwati mit-tendenza li l-bżonnijiet tas-sigurtà nazzjonali jkunu interpretati b’mod wiesa’ u abbużiv, b’detriment għad-dritt li wieħed jinforma u jkun infurmat.

Ir-rapport jgħid li din it-tendenza qed twassal għal theddida akbar madwar id-dinja u qed tipperikola l-libertà tal-informazzjoni f’pajjiżi meqjusa bħala demokratiċi.

Il-Finlandja tinsab fuq quddiem fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2014 u wara jiġu l-Olanda u n-Norveġja bħas-sena li għaddiet. Fuq in-naħa l-oħra tal-klassifika, fl-aħħar tliet pożizzjonijiet minn fost 180 pajjiż hemm it-Turkmenistan, il-Korea ta’ Fuq u l-Eritrea bħala l-aktar pajjiżi fejn il-libertà tal-informazzjoni hi ineżistenti.

Dan l-indiċi li jkun ippubblikat kull sena jkejjel il-livell tal-libertà tal-informazzjoni f’180 pajjiż. Jirrifletti l-grad ta’ libertà li l-ġurnalisti, l-aġenziji tal-aħbarijiet u dawk li jużaw l-internet igawdu f’kull pajjiż u l-isforzi li jsiru mill-awtoritajiet nazzjonali biex jirrispettaw u jassiguraw ir-rispett għal din il-libertà.

Parti mill-indiċi tkun ibbażata fuq kwestjonarju li jintbagħat lill-organizzazzjonijiet imsieħba, jiġifieri lil 18-il NGO favur il-libertà tal-espressjoni li jinsabu fil-ħames kontinenti, lin-network ta’ 150 korrispondent, lil ġurnalisti, riċerkaturi, prattikanti tal-liġi u attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem.

Il-kwestjonarju jinkludi diversi sitwazzjonijiet fosthom dawk li wieħed diffiċli jikkwantifika, bħal kemm dawk li jwasslu l-aħbar jiċċensuraw lilhom infushom, l-indħil mill-gvern fil-kontenut editorjali u t-trasparenza fid-deċiżjonijiet li jieħu l-gvern.

Il-mistoqsijiet fil-kwestjonarju jinqasmu skont sitt kriterji ġenerali. Fost dawn hemm il-pluraliżmu, l-indipendenza tal-media, l-ambjent li fih jaħdmu l-ġurnalisti u ċ-ċensura, il-qafas leġiżlattiv, it-trasparenza tal-istituzzjonijiet u l-proċeduri li jeffettwaw il-produzzjoni tal-aħbarijiet u tal-informazzjoni u l-kwalità tal-infrastruttura li tgħin il-produzzjoni tal-aħbarijiet u tal-informazzjoni.