Raġel ta’ 37 sena mill-Isla ġie mixli fil-Qorti tal-Maġistrati li ħebb għal membru tal-Korp tal-Pulizija wara li kien twaqqaf f’roadblock fil-Marsa li fih allegatament instabet ukoll id-droga.
Roderick Cilia ġie mixli li nhar it-Tlieta li għadda, hedded, ħebb u kkaġuna feriti ħfief fuq il-Kuntistabbli Nathan Bugeja. Ġie mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina u eroina, li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied kif ukoll li kiser sentenza tal-Maġistrat Ian Farrugia datata 9 ta’ Ottubru 2014.
Huwa wieġeb li ma kienx ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u l-Maġistrat Francesco Depasquale laqa’ t-talba għal libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000 u bil-kundizzjoni li jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa ta’ Bormla bejn id-9.00am u nofsinhar.
Waqt dan il-mument, Cilia talb lill-Maġistrat biex jibdillu l-ħin ta’ meta seta’ jiffirma ħalli ma jkollux għaliex iqum kmieni. It-talba tiegħu ġiet milqugħa biex issa jista’ jiffirma bejn id-9.00am u s-7.00pm.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant waqt li għal Cilia deher l-Avukat Albert Zerafa.
//= $special ?>