Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, flok isewwi t-toroq imkissrin u jagħmel xogħlijiet oħra ta’ fejda fil-lokalità, jippreferi jagħti ħlasijiet kbar lil kumpanija mmexxija minn ekskandidat tal-Partit Laburista
Massimo Ellul, ekskandidat tal-Partit Laburista moħbi wara l-kumpanija M&E Management, qed jitħallas medja ta’ €30,000 fis-sena għal servizzi ta’ konsulenza dwar events u marketing mingħand il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ li għandu maġġoranza Laburista.
Il-ħlas ta’ madwar €30,000 fis-sena lil Massimo Ellul hu wieħed mill-aktar eżorbitanti meta wieħed jikkunsidra l-fatt li l-baġit allokat għal dan il-Kunsill Lokali hu ta’ madwar €700,000 li minnhom iridu jitnaqqsu s-salarji tal-ħaddiema tal-Kunsill u jsiru l-ħlasijiet għall-kuntratti tat-tindif u l-manutenzjoni tal-lokalità.
Jiġifieri meta jitnaqqsu dawn il-ħlasijiet kollha l-Kunsill Lokali jifdallu ftit għexieren ta’ eluf ta’ ewro u minn dawn il-Kunsill jidher li hu fil-qagħda kapriċċjuża li jħallas medja ta’ €30,000 fis-sena lill-kumpanija M&E Management, li wieħed mid-Diretturi tagħha hu Massimo Ellul.
MaltaRightNow.com jinsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ għamel saħansitra kuntratt ma’ Massimo Ellul bl-iskop li jkun hu li f’isem il-Kunsill Lokali jidħol f’arranġamenti ma’ terzi biex isiru numru ta’ attivitajiet.
Wieħed jista’ jsemmi, fost l-oħrajn, kif Massimo Ellul – grazzi għall-kuntratt ekstravaganti li ngħata – hu responsabbli biex jagħmel l-arranġamenti f’isem il-Kunsill Lokali biex ikunu organizzati attivitajiet bħall-Karnival, Night Fest u Jum Ħaż-Żebbuġ.
Kunsillieri ta’ Ħaż-Żebbuġ huma urtati għall-fatt li Massimo Ellul ingħata l-poter li jinnegozja f’isimhom għadd kbir ta’ kuntratti ma’ terzi persuni.
Grazzi għal dan, minn Jannar tal-2012 sa Diċembru tal-2014 M&E Management kienet involuta f’kuntratti negozjati minnha għall-valur totali ta’ madwar €100,000.
Fost l-oħrajn, M&E Management fl-2012 organizzat ġita għal Acireale fi Sqallija. Għal din il-ġita kienu mistiedna wkoll il-baned tal-lokal biex idoqqu f’Acireale. Nifhmu li għal din l-attività partikulari M&E Management ħallset is-somma ta’ madwar €25,000 fi spejjeż ta’ akkomodazzjoni, vjaġġi u polza tal-assigurazzjoni. U dan kollu f’isem il-Kunsill Lokali.
Interessanti l-fatt li f’dawn l-arranġamenti li saru kien hemm involuta wkoll il-kumpanija Taljana bl-isem ta’ Euro Art li jirriżulta li hi sister company tal-kumpanija M&E Management.
Is-sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal enfasizzaw il-punt li flok qiegħed jinvesti flusu fl-infrastruttura meħtieġa u anke f’inizjattivi oħra biex il-lokalità timxi ’l quddiem, il-Kunsill Laburista qed jippreferi jħallas dawn il-flejjes kbar biex M&E Management torganizza numru ta’ attivitajiet.
Is-sorsi fissru li jekk wieħed idur dawra ma’ numru ta’ toroq f’Ħaż-Żebbuġ, fosthom fiz-zona magħrufa bħala ‘Tal-Grazzja’ u f’xi toroq fl-inħawi ta’ Ħal Muxi, isib li dawn jinsabu fi stat tassew tal-biki u diżastruż, u r-residenti għandhom mitt elf raġun li jinsabu urtati. Urtati għall-fatt li filwaqt li l-Kunsill Lokali hu komdu jħallas għexieren ta’ eluf ta’ ewro lil kumpanija għal konsulenza dwar events u marketing, lilhom ħallielhom toroq mimlija ħofor u perikolużi.
Nifhmu li ċerti kunsillieri huma urtati ħafna għal dan għax jemmnu li l-Kunsill Lokali jista’ jonfoq flusu b’aktar għaqal. Saħansitra l-eks-Sindku Laburista Brian Bonnici kien ilmenta li l-Kunsill Lokali qed jitmexxa minn terzi minn barra l-istess Kunsill.
Kien il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ immexxi mis-Sindku Alfred Grixti li daħal għal dawn l-arranġamenti mal-kumpanija M&E Management.
Kunsillieri llum qed jistaqsu x’kienet ir-raġuni li s-Sindku daħal għal ftehim bħal dan li neżża’ lill-istess kunsillieri mir-responsabbiltà li jorganizzaw huma l-attivitajiet biex minflok qabbad kumpanija mħallsa bi flejjes kbar, li qed tassumi hi dan ir-rwol.
//= $special ?>