Qorti

Patri Charles Fenech mhux ħati li nġurja persuna li qed “tassisti” mara allegatament abbużata minnu

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, iddikjarat li d-Dumnikan mir-Rabat, Patri Charles Fenech, li ftit tax-xhur ilu beda għaddej proċeduri kriminali mixli li abbuża minn mara ta’ 42 sena minn Ħaż-Żabbar, ma nstabx ħati li huwa mmalafama lil Edgar Bonnici Cachia, li qed “jassisti” lill-istess mara.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li jirriżulta li ċ-ċitazzjoni li ppreżenta Bonnici Cachia kontra Patri Fenech ġiet ippreżentata wara li kien skada t-termini tal-azzjoni kriminali u dan peress li l-każ kien skada fi żmien tliet xhur u għalhekk il-proċeduri issa huma preskritti.

Fil-kawża li għamel Bonnici Cachia qal li Patri Charles Fenech qal li kien hu (Bonnici Cachia) li sforza lill-mara biex tibda proċeduri kontrih, li kien hu li ħeġġeġ lill-mara biex tagħmel rapport fuqu, u li ċ-ċitazzjoni kienet ippreżentata f’Lulju tal-2014, sentejn u ħames xhur wara, meta fuq kumment verbali, iċ-ċitazzjoni suppost kellha tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur.

L-Avukat Michael Sciriha, li flimkien mal-Avukati Lucio Sciriha u Franco Debono qed jidhru għal Patri Charles Fenech, ried li l-każ jaqa’ minħabba l-preskrizzjoni, iżda l-Avukat Noel Bianco, f’isem Edgar Bonnici Cachia, oġġezzjona għaliha.

Minkejja li l-każ tal-malafama kien preskritt, il-Qorti tal-Maġistrati qalet ukoll li ma nġiebet ebda prova minn Bonnici Cachia, li Patri Charles Fenech qal xi tip ta’ diskors fuqu verbalment.

Bonnici Cachia kien ukoll għamel libell lill-allegata vittma fuq l-istess każ, li iżda kien waqqa’. Huwa mistenni jappella mis-sentenza tal-malafama fuq Patri Fenech. Sadanittant il-proċeduri kriminali kontra Patri Fenech għadhom għaddejjin quddiem il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona u għadhom mhumiex konklużi.

Il-Prosekuzzjoni qed tgħid f’dan il-każ li l-mara kellha problemi psikoloġiċi meta din kienet tmur għand il-patri biex jgħinha. Mill-provi li għandha l-Pulizija, jirriżulta li dawn il-każijiet ilhom li bdew iseħħu 12-il sena ilu.

Fil-każ qed jingħad li l-mara kienet abbużata mill-akkużat meta kienet taħt l-età. L-atti allegatament seħħew fil-Buskett, fil-Kunvent u anke f’Għawdex.