Lokali Parlament Saħħa

Pazjenti ta’ aktar minn 60 sena kuljum fit-taqsima dedikata għat-tfal

Bejn Ottubru tas-sena l-oħra sa dan ix-xahar kienu qed jinżammu medja ta’ żewġ pazjenti kuljum fl-età ta’ aktar minn 60 sena fil-Paediatric Day Care, tal-Isptar Mater Dei, it-taqsima li tilqa’ fiha tfal li jidħlu għall-kura medika u li jkunu jeħtieġu li jinżammu l-isptar għal ftit sigħat jew massimu ta’ ġurnata.

Jirriżulta wkoll li fl-istess taqsima dedikata għall-kura medika lit-tfal, kienu wkoll qed jinżammu medja ta’ bejn żewġ pazjenti u tliet pazjenti kuljum li kellhom l-età ta’ aktar minn 18-il sena.

Dan kien ikkonfermat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija, Konrad Mizzi, fi tweġibiet li ta fil-Parlament lix-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg, wara li kienet diġà għamlet diversi mistoqsijiet fl-aħħar ġimgħat dwar pazjenti li jinżammu fil-Paediatric Day Care dedikata mhux għall-pazjenti kbar fl-età iżda għal tfal li jidħlu għal kura medika fl-Isptar għal ftit sigħat matul il-ġurnata.