Ma jispjegax liema tariffa ogħla tapplika għas-swimming pools fil-farmhouses f’Għawdex
Għall-Gvern il-kelma “updated” li qed juża l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fid-dibattitu fil-Parlament biex iżid it-taxxi u l-ħlasijiet fuq is-servizzi li joffri l-Gvern, tfisser żieda ta’ miżati u ħlasijiet ogħla.
Din ir-rimarka għamilha fil-Parlament il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco waqt li l-Ministru Scicluna qiegħed fil-preżent iressaq klawsola wara oħra li qed tintroduċi ħlasijiet u taxxa ogħla fuq 400 servizz li jagħti l-Gvern.
Il-Ministru tal-Finanzi qal li m’għandu xejn xi jżid għar-rimarki tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco, li waqt id-dibattitu kompla jistaqsi jekk il-Gvern għamilx diskussjoni u konsultazzjoni.
Waqt li tressqu mill-Gvern iż-żidiet qawwija fit-tariffi fuq kawżi fil-Qrati ta’ Malta, Mario de Marco wkoll staqsa jekk il-Gvern għamilx konsultazzjoni mal-Kamra tal-Avukati. Il-Ministru Scicluna ma kellu ebda kumment x’jgħaddi.
Għaddiet ukoll u kienet approvata t-tariffa ogħla fuq is-swimming pools għal kull metru kubu ta’ ilma. Għad-djar residenzjali t-tariffa qed titla’ minn €4 għal €4.60 għal kull metru kubu, u għal swimming pools kummerċjali ż-żieda hi aktar, minn €6 għal €6.90 għal kull metru kubu.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo, Kelliem għan-Negozji Żgħar, Manifattura, Kummerċ, Self-Employed u Koperattivi, staqsa lill-Ministru jispjega liema tariffa se tapplika għal min għandu farmhouses f’Għawdex.
Il-Ministru Scicluna ma weġibx għal din il-mistoqsija sempliċi, u qal biss li hemm capping dwar sakemm togħla t-tariffa, u dan biex iż-żieda ma tkunx qawwija għal min għandu swimming pools kbar u għall-industrija turistika. Il-Ministru Scicluna ammetta wkoll li din hi taxxa u tariffa fuq kull min għandu swimming pool.
F’dan l-Abbozz ta’ Liġi li qiegħed jiddiskuti u jressaq il-Gvern bħalissa fil-Parlament, u li ma ħabbarx fil-Baġit li ressaq f’Novembru li għadda, il-Gvern qiegħed jgħolli t-taxxi fuq 400 servizz essenzjali tiegħu stess. Il-biċċa l-kbira huma servizzi essenzjali li tista’ teħodhom biss mingħand il-Gvern – u għalhekk huma taxxi.
Fost dawn is-servizzi hemm il-ħruġ ta’ ċertifikati mit-twelid sal-mewt, tiġdid ta’ passaporti, u taxxi oħrajn balma huma fuq trasferiment ta’ proprjetà, għal min jagħmel xogħol żgħir għal rasu, taxxa fuq il-fish farms, fuq l-industrija tal-inbid, fjuwil, liċenzja, insurance, tyres, u taxxa ogħla fuq il-mowbajls li juża kulħadd.
Dan minbarra li qabel il-Baġit, il-Gvern ħabbar b’avviżi legali żidiet fil-kirjiet tal-housing u fil-miżati għall-eżamijiet.
//= $special ?>