Kultura

Andy Shaw u Gaia Cauchi jingħaqdu fi dwett

Andy Shaw, kantawtur żgħażugħ ta’ 14-il sena li kellu l-opportunità jesponi t-talenti tiegħu bħala mistieden speċjali waqt l-ispettaklu Junior Eurovision Song Contest, u Gaia Cauchi, r-rebbieħa tal-istess kompetizzjoni s-sena ta’ qabel, bil-kanzunetta “The Start”, li hija kitbet flimkien ma’ Elton Zarb, Gillian Attard u Matthew Mercieca (Muxu), iddeċidew li juru l-imħabba tagħhom lejn il-mużika billi jagħmlu dwett tal-kanzunetta “Love Me Like You Do”, kanzunetta meħudha mil-film kontroversjali Fifty Shades of Grey.

Ir-rikording, u l-produzzjoni tal-kanzunetta “Love Me Like You Do” kien f’idejn Cyprian Cassar ta’ Tenishia Studios, filwaqt li l-vidjow mużikali b’xeħta monokromattika, kien maħluq speċifikalment minn Joseph Agius, sabiex jiriffletti l-kontenut lirikali. “Love Me Like You Do”, miktuba minn Max Martin , Savan Kotecha, Ilya Salmanzadeh, Ali Payami u Tove Nilsson hija silta kontemporanja, li taqa’ taħt il-ġeneru ‘synthpop’. IIl-kantanta oriġinali hija l-kantawtriċi ingliża Ellie Goulding.

Bħala dwett, Andy u Gaia rnexxielhom jagħtu xeħta differenti lill-kanzunetta mil-lat lirikali, għaliex hemm turija ta’ ħbiberija, u mhux waħda ta’ imħabba, hekk kif inhu esibit fil-verżjoni oriġinali. Tistgħu tisimgħu l-kanzunetta u taraw il-vidjow mużikali billi tidħlu fuq is-sit YouTube fuq http://youtu.be/ijIb1Pk6UFU