Il-passività politika kkaratterizzata minn nuqqas serju ta’ interess minn diversi żgħażagħ donnha qiegħda ssir aktar allarmanti, sinjal ta’ political fatigue li hu għal kollox differenti minn dak li kien irrefera għalih il-Priministru qabel wasal għall-konklużjoni li mbagħad irtiraha biex jippostponi l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
L-aktar ħaġa preokkupanti hija meta niltaqa’ ma’ żgħażagħ li jistqarru b’ottimiżmu s-sens passiv tagħhom lejn l-interess politiku, liema affermazzjoni tinkwetani għax mill-ewwel nifhem li sfortunatament għadhom ma ħakmux il-kunċett politiku. Aktar minn hekk, jinkwetani l-fatt li għandna faxxa ta’ żgħażagħ li l-involviment minimu tagħhom fil-politika – dak li jivvutaw – ma jeżerċitawhx għax jargumentaw li lilhom b’mod personali l-ebda partit ma tahom xejn. Niskanta kif anki l-ġenerazzjoni li tielgħa għandna traċċi tal-marda poltika li kienet tant predominanti – u milli jidher għadha tittieħed – ibbażata fuq ‘nieħu biex imbagħad nagħti’ jew ‘biex nagħti rrid nieħu’.
Hawnhekk irrid nagħmilha ċara, li l-poplu ma jistax jibqa’ aktar infettat b’din il-kultura imma jrid jibda jaġixxi b’aktar maturità u jifhem li l-Partit Politiku mhux neċessarjament ikun qiegħed jagħtik b’mod personali. Nibda biex, iż-żgħażagħ li ħarġu mill-università jew dawk li għadhom qed jistudjaw l-università, Gvernijiet Nazzjonalisti tul is-snin tawhom il-posibbiltà għal edukazzjoni terzjarja, l-istipendji u grants oħrajn li Gvernijiet Laburisti ma għamlux.
Gvernijiet Nazzjonalisti fehmu wkoll il-ħtiġijiet tal-iżvilupp għall-istudji turistiċi u llum l-ITS hija istituzzjoni li tindirizza l-interessi turistiċi ta’ eluf ta’ żgħażagħ li jfittxu karriera fil-qasam turistiku, erħilu jekk fil-mument hemm diversi diffikultajiet tat-tip Tagħna Lkoll. Introduċew ukoll l-MCAST li żviluppa mill-idea tat-Trade Schools li kellhom bżonn face-lift u llum għandna eluf ta’ żgħażagħ li qed jibqgħu jistudjaw wara li jtemmu l-ħames sena.
Il-Gvern tal-lum abbuża mill-fondi allokati għall-ismart cards u ġie jaqa’ u jqum minn jekk l-istudenti humiex verament qed iqisu l-prijoritajiet edukattivi tagħhom qabel oħrajn li jafu jkunu irrelevanti għall-progress tagħhom. Lill-istudenti tal-5th form żidilhom il-miżati tal-eżamijiet tal-Matsec biex ikompli jgħakkes lill-familji li kienu għadhom kemm ħadu żieda ta’ 58ċ u taxxi indiretti li ħalliehom moħbija sakemm kixifhom il-Partit Nazzjonalista.
Li llum qegħdin ngħixu f’pajjiż demokratiku u politikament tolleranti hija turija ta’ rispett nazzjonali li kiseb il-Partit Nazzjonalista wara snin twal ta’ dlam politiku li ħonoq il-libertà espressiva, is-suq ħieles u l-libertà fil-veru sens tal-kelma. Jekk imbagħad noqorbu aktar lil hawn, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea tat liż-żgħażagħ – għalkemm mhux lilhom biss – l-opportunità li jwessgħu l-limiti restritti ta’ pajjiż gżira maqtugħ mill-bqija tad-dinja – ħlief għal relazzjonijiet mhux daqstant meħtieġa mal-Libja fi żmien Gaddafi u Duminku Mintoff – u jieħdu sehem attiv fil-progress Ewropew li jsostni l-ugwaljanza u d-drittijiet umani.
Minn hemm, Malta mbagħad bdiet miexja lejn xejriet moderni u Ewropej u llum saħansitra żviluppaw fi drittijiet ta’ Unjoni ċivili u divorzju, liema żewġ liġijiet ma kinux jimirħu mal-erba’ naħat tal-pajjiż li kieku Malta ma mmaturatx u bdiet tħossha bħall-pajjiżi Ewropej kollha la darba tagħmel parti mill-Ewropa.
Il-Partit Nazzjonalista għaraf ukoll jillokalizza l-politika tiegħu bl-introduzzjoni tal-Kunsilli Lokali. It-tifsira ċivika tal-lokalità huwa importanti biex jinħoloq aktar is-sens ta’ komunità. Kien ukoll il-Partit Nazzjonalista li beda jaħdem biex għall-ewwel darba ser ikollna żgħażagħ ta’ 16-il sena li ser ikunu qed jivvutaw għall-ewwel darba, għax l-opinjoni politika tagħhom, għalina hija mistennija u meqjusa għall-kuntrarju tal-Gvern li ried jissospendilhom il-vot għal tliet snin.
L-ekonomija tal-pajjiż miexja fit-triq it-tajba, u dan huwa l-mertu tal-Gvern ta’ Gonzi li għaraf jisfida kull maltemp ekonomiku li ħarbat diversi pajjiżi imma ma affettwax lil Malta. Permezz ta’ hekk, l-opportunitajiet ta’ mpjieg baqgħu jissaħħu anke jekk illum qiegħed ikun mhedded kontinwament minn Gvern li jinteressah biss mill-meritokrazija tal-fanatasija li fiha jħaxxen il-bwiet tal-qalba, bl-aħħar wieħed ikun is-suldat tal-azzar tant qrib u għal qalb Muscat, azzjoni back to the 85!
Dawn biss għandhom ikunu r-raġunjiet li jirribattu l-argument li ħafna qed iġibu li la darba mhuma jieħdu xejn mill-Partit Nazzjonalista, allura ma għandhomx għaliex jivvutawlu. Il-Partit Nazzjonalista ta kemm felaħ, u minkejja li llum jinsab fl-Oppożizzjoni, qiegħed jaħdem biex jagħmel differenza, differenzi ġenwina. Id-differenza tidher kontinwament, fil-lista ma tintemmx li fiha l-Gvern ċeda għall-pressjoni tal-Oppożizzjoni.
Għalhekk, onestament ma nagħrafx kif xi żgħażagħ qed tmutilhom il-passjoni għall-involviment politiku. Jekk hemm partit li jaħti għal din it-traġedja soċjo-politika, huwa mingħajr dubju l-Partit li qiegħed jiggverna li xi darba webbel liż-żgħażagħ b’moviment u llum, wara li ħadilhom il-vot li tah il-mandat, kien qiegħed jipprova jeħdilhom ieħor, imma l-Partit Nazzjonalista għamel id-differenza u llum qegħdin f’kampanja elettorali.
Tassew, li kulħadd jista’ jagħmel differenza bil-vot tiegħu għall-Partit Nazzjonalista fi ftit ġimgħat, u d-differenza jagħmilha l-Partit Nazzjonalista u int li f’idejk għandek l-għażla.
//= $special ?>