Persuna li tidher li għandha skop speċifiku, matul il-jiem li għaddew, serqet dokumenti sensittivi mill-Uffiċċju tas-Sindku tal-Mosta Shirley Farrugia. Jidher li kienet is-Sindku stess li ndunat li dokument voluminuż imħejji minn kumpanija ta’ periti ma kienx għadu fl-Uffiċċju tagħha.
Dan hekk kif xi ħadd daħal fl-Uffiċċju tagħha fil-bini tal-Kunsill Lokali mingħajr il-permess tagħha u serqu biex għaddieh lil terzi persuni.
Il-ġurnal In-Nazzjon illum qed jirrapporta li huma tlieta l-persuni li għandhom ċavetta għal dan l-Uffiċċju, fosthom is-Sindku stess u s-Segretarju Eżekuttiv. Is-serqa ta’ dawn id-dokumenti hi waħda mill-aktar serji, fejn hu mifhum li b’dan il-każ kienu infurmati wkoll il-Pulizija tal-Għassa tal-Mosta, li bdew l-investigazzjonijiet tagħhom.
Hu mifhum li l-każ idur mal-fatt li hemm persuni li għandhom kull interess li jpoġġu l-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Mosta f’dell ikrah wara li mill-2012 lil hawn, fil-lokalità tal-Mosta mmexxija minn Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista sar ammont qawwi ħafna ta’ xogħol, fosthom 19-il triq ġdida, tliet ġonna, pavimentar ta’ sqaqien, bankini ġodda u anke restawr ta’ patrimonju Mosti.
Min-naħa l-oħra, matul l-amministrazzjoni preċedenti, immexxija minn maġġoranza Laburista, saru biss tliet toroq ġodda. Li l-lokalità tal-Mosta għamlet passi kbar ‘il quddiem fl-aħħar tliet snin jaqblu wkoll l-istess residenti, li għalkemm huma konxji li fadal ħafna xi jsir, huma sodisfatti bl-impenn tal-membri fil-Kunsill.
Anke l-Minority Leader Laburista fil-Mosta Alex Muscat, matul il-Laqgħa Annwali tal-Kunsill, ammetta li matul din il-leġislatura l-Kunsill Lokali ħadem tajjeb u ‘l bogħod mill-piki u d-diżgwid. Fil-laqgħa, li saret ftit tal-ġimgħat ilu, Alex Muscat irrimarka wkoll li jħossu sodisfatt bil-ħidma li wettaq il-Kunsill.
//= $special ?>