Lokali Parlament

Ebda kuntatt bejn il-Gvern u Jason Micallef

Minkejja l-appelli li għamel Jason Micallef kontra d-deċiżjoni tal-Gvern li l-monti tal-Belt jiċċaqlaq lejn id-Daħla tal-Belt

Il-Gvern baqa’ m’għamel ebda kuntatt maċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef, wara d-dikjarazzjoni u l-messaġġ qawwi lill-Gvern kontra d-deċiżjoni li l-monti tal-Belt ikun trasferit lejn id-Daħla tal-Belt, fit-triq li tifred il-bini tal-Parlament il-ġdid u s-sit tat-Teatru r-Rjal.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni, Jason Micallef, eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, ikkonferma quddiem il-Grupp Parlamentari dwar il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, li ma kien hemm ebda kuntatt.

Jason Micallef kien qiegħed iwieġeb għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar, biex jgħid jekk kienx hemm kuntatti mal-Gvern wara l-istqarrija li kien għamel b’rabta mal-iżviluppi li kienu qegħdin iseħħu dwar ir-rilokazzjoni tal-monti lejn id-daħla tal-Belt.

Jason Micallef kien qal fil-bidu tax-xahar li għadda, li jekk il-monti jintrama tul Triq l-Ordinanza kollha, se jkun sar sfreġju fuq il-Belt Valletta. Kien appella għas-sens komun u biex il-monti ma jibqax tiela’ fil-parti bejn il-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal.

Dawn l-appelli lill-Gvern kienu saru minn Jason Micallef waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-post fejn qed ikun ippjanat li jsir il-monti, bin-numri tal-postijiet li kienu diġà mmarkati fl-art fejn se jarmaw il-bankarelli tal-monti.

Għal din id-dikjarazzjoni taċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, li ma kienu saru ebda kuntatti, id-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar baqa’ jinsisti biex il-Ministru Owen Bonnici jinforma lill-Grupp Parlamentari dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-kwistjoni li għadha pendenti, fid-dawl ukoll li l-bejjiegħa tal-monti dalwaqt se jkollhom jitilqu minħabba l-proġett ippjanat għas-suq l-antik tal-Belt, fejn illum għadhom jarmaw il-bejjiegħa tal-monti, fil-pjazza tas-suq.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li hu l-Ministeru responsabbli mill-investiment li għaddej bi proċess ta’ għażla għal disinn aħjar tal-bankarelli wara li l-istess Ministru ammetta li d-disinn ma niżilx tajjeb għalkemm skont hu, kien nadif iżda d-dehra minn barra ma ntlaqgħetx mill-pubbliku.

Tfisser ukoll li qiegħda ssir analiżi jekk il-monti jistax jasal sa tarf Triq l-Ordinanza.

Ir-relazzjonijiet ħżiena bejn Jason Micallef u l-Gvern dwar din il-kwistjoni ilhom għaddejjin xhur u jmorru lura sal-bidu tas-sena li għaddiet, meta t-talbiet għall-informazzjoni mill-Fondazzjoni kienu mwieġba b’mod xott, u mfissra mill-istess Jason Micallef bħala mhux aċċettabbli.