Ekonomija Lokali

Edward Scicluna jipprova jiġġustifika ż-żidiet fil-ħlasijiet tas-servizzi tal-Gvern

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna pprova jiġġustifika ż-żieda fil-ħlas għas-servizzi tal-Gvern wara l-aħħar Baġit meta qal li bħala prinċipju ekonomiku xejn m’għandu jkun kompletament b’xejn. Scicluna kien qed jikkummenta waqt li indirizza konferenza ta’ Ernst & Young f’San Ġiljan, li ffukat fuq it-tbassir ekonomiku ta’ pajjiżna.

Il-Ministru qal ukoll li skont hu, is-settur pubbliku hu kbir iżda ma għamel l-ebda referenza għall-fatt li kien il-Gvern Laburista stess li ħoloq diversi pożizzjonijiet ġodda maċ-Ċivil u impjiegi għal nies qrib ħafna tal-Partit Laburista.

Dwar dan tkellem ukoll ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech, li iffoka fuq il-bżonn li l-Gvern ma jonfoqx flus fil-ħela, kif qed jonfoq €10 miljun fis-sena għall-Kabinett kbir li għażel Joseph Muscat. Qal li biex l-Ekonomija tkompli tikber, jeħtieġ pjan infrastrutturali serju u investiment aċċelerat.

Ix-Shadow Minister tkellem ukoll dwar is-settur tal-Enerġija, fejn qal li anke hawn għad fadal diversi punti li għadhom iridu jiġu indirizzati. Hu rrefera għall-proġett tal-Power Station il-ġdida, li għadu fil-limbu.

Min-naħa l-oħra, il-Ministru Edward Scicluna ammetta li l-Gvern għadu ma sabx soluzzjoni għal ċerti problemi, filwaqt li ammetta wkoll li l-ġlieda kontra l-burokrazija hi diffiċli ferm.