Kunsilli Lokali Lokali

Ikompli l-battibekk bejn il-Ministru Owen Bonnici u l-Kunsillier Laburista Marc Sant

“Il-fatt li xejn anqas minn 10 Kunsilli Lokali appellaw kontra l-mod kif tqassmu l-fondi, jagħtini raġun”. Sostna dan il-Kunsillier Laburista ta’ Ħal Lija Marc Sant, f’kummenti lill-ġurnal The Malta Independent, hekk kif ikomplu l-battibekki bejnu u l-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali Owen Bonnici.

Fl-aħħar jiem, Marc Sant ikkritika l-mod kif tqassmu €1 miljun addizjonali mill-Bord imwaqqaf u ddeskriva l-proċess bħala imniġġeż u mċajpar. Aktar kmieni din il-ġimgħa, meta kien ikkonfrontat mill-ġurnalisti bl-allegazzjonijiet ta’ Sant, il-Ministru Owen Bonnici qal li hu naturali li Kunsillieri li ma jkunux ingħataw fondi jkunu diżappuntati.

Marc Sant kompla li l-fondi tqassmu b’mod ġust u trasparenti, bil-Kunsilli Lokali għandhom id-dritt li jappellaw. Kien hawn li l-Ministru Bonnici żvela li kien hemm 10 Kunsilli Lokali li ressqu appell. B’reazzjoni, Marc Sant qal li l-fatt li kien hemm 10 appelli, jagħti raġun lill-kritika tiegħu.

Il-Kunsillier Laburista qal ukoll li proġett ta’ anqas importanza ngħataw fondi, filwaqt li oħrajn li kien ħaqqhom aktar baqgħu b’xejn. Semma’ l-applikazzjoni tiegħu għall-fondi biex isir tisbiħ fiż-żona madwar Villa Francia. Marc Sant qal li l-applikazzjoni tiegħu tant kienet prijorità li l-Gvern, permezz ta’ Transport Malta, irranġa t-triq li tagħti għar-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru.