Il-mira tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali hi li jtejjeb ir-riżultat tiegħu fuq l-elezzjoni f’dawn il-lokalitajiet fl-2012.
Sostna dan is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-preżentatur Frank Psaila waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad. Minkejja dak li jgħid Muscat, dawn l-elezzjonijiet huma diffiċli għall-Partit Nazzjonalista hekk kif 20 mill-34 lokalita’ li fihom se ssir elezzjoni għandhom maġġoranza Laburista.
Fl-elezzjoni tal-2012 f’dawn il-lokalitajiet, il-Partit Laburista kien ġab 57 fil-mija tal-voti filwaqt li l-PN kien ġab 40 fil-mija tal-voti.
Chris Said kompla li minkejja dawn l-elezzjonijiet diffiċli, kien il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Simon Busuttil li ġġieled biex l-elezzjonijiet tal-11 ta’ April isiru. Li kien għal Muscat, dawn l-elezzjonijiet qatt ma saru.
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN irringrazzja l-185 kandidat li qed iduru u jħabbtu l-bibien tan-nies. Il-kuntatt man-nies huma s-sisien tal-kampanja elettorali tal-PN. Sostna li l-kandidati f’isem il-PN għamlu d-differenza fil-lokalitajiet. Fosthom il-Mosta, fejn maġġoranza Nazzjonalista wettqet ħidma kontinwa favur il-lokalita’. B’kuntrast, tispikka it-telqa totali f’San Pawl il-Baħar, fejn kien hemm maġġoranza Laburista.
Matul il-programm kienu diskussi diversi temi fosthom it-tiġdid fil-Partit Nazzjonalista u t-tisħiħ tal-kumpaniji tiegħu.
Bħala Shadow Minister għal Għawdex u deputat elett minn dak id-distrett, Chris Said tkellem dwar l-impenn tiegħu biex iżomm il-Gvern ‘accountable’ għall-wegħdiet li għamel il-Partit Laburista lill-Għawdxin.
//= $special ?>