“Nifhem li forsi l-amministrazzjoni ssibha diffiċli li ssib nies li jaċċettaw il-ħatra ta’ ġudikant u dan jista’ jkun minħabba l-piż ta’ responsabbilita’ u l-pakkett remunatorju li mhuwa xejn attraenti. Veru li dan l-aħħar kien hemm xi titjieb fit-“take home pay” tal-ġudikant u għad li jsiru aktar diskussjonijiet fuq is-salarju. Fuq il-pensjoni pero, sa issa għadu ma sar xejn u dan hu preokupazzjoni għal kull ġudikant speċjalment dawk li waslu fl-egħluq tal-karriera tagħhom.
“Biżżejjed jingħad li traffikant tad-droga li jkun suġġett għal ordni ta’ ffriża għandu dritt jiġbed mill-kont bankarju tiegħu, għall għixien diċenti u dekoruż, ammont akbar milli jirċievi ġudikant bħala pensjoni. Għall-ġudikant dan il-livell ta’ għixien mhuwiex akkordat, pero ta’ l-anqas, b’sodisfazzjon ninnota li din l-anomalija sae tiġi inidirizzata bl-abbozz il-ġdid u din it-tbatija se tiġi eliminati darba għal dejjem. Dan ukoll mistenni jservi mhux ftit biex iħajjar elementi validi li jikkunsidraw b’mod pożittiv karriera fil-ġudikatura.”
Dan qalu l-Imħallef Michael Mallia fl-aħħar diskors tiegħu fil-Qorti wara li rtira bl-eta’ mill-kariga tiegħu. Preżenti għal dan id-diskors tal-okkażjoni kien fost oħrajn il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, d-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario Demarco, l-Avukat Donatella Frendo Dimech, Deputat Avukat Ġenerali, nies oħrajn distinti fosthom għadd ta’ Imħallfin, Maġistrati u ħaddiema tal-Qorti, l-aktar dawk li kienu qrib l-Imħallef Mallia.
L-Imħallef Mallia qal li r-realta’ hi li l-ġudikatura qed tiffaċċa llum konsegwenzi taż-żminijiet li qed ngħixu fihom, iżda mhux ftit ukoll taż-żminijiet diffiċli li għaddiet minnhom fil-passat mhux il-bogħod fejn l-istima tal-ġudikatura ħadet daqqa kbira l-isfel li minnha jidher li għadha ma rkupratx f’għajnejn il-pubbliku.
Huwa qal ukoll li alla ħares ma jkunx il-“feriat” li suppost jiġi għall-mistrieħ tal-ġudikant li iżda minflok iservi ta’ nifs jasal biex jikteb is-sentenzi u jnaqqas ix-xogħol b’lura li jkollu. “Ta’ dan ħadna l-prosit u ċanfira minn min suppost kellu jkun jaf aħjar,” qal l-Imħallef.
Huwa iżda nnota wkoll b’sodisfazzjon l-emendi l-ġodda li dalwaqt se jiġu pubblikati fejn ħafna proċeduri arkajiċi se jiġu simplifikati u li dan se jgħin mhux ftit biex jitħaffew il-kawżi u li żgur hu li l-effett se jkun pożittiv. Pero l-problemi prinċipali se tibqa’ n-numru ta’ ġudikanti mhux biżżejjed minkejja li jista’ jkun li bħalissa qegħdin “full compliment”. Din iżda hija xi ħaġa relattiva u meta wieħed iqabbel żgur li l-ġudikanti kienu u għadhom se jibqgħu minn taħt.
L-Imħallef Mallia qal li xi ħaġa oħra li tħassbu hija d-dewmien fil-ħatra ta’ ġudikanti ġodda biex jieħdu post dak li se jkun jirtira. Fil-prattika, dan jiġi maħtur ħafna wara li jkun vakat il-post bil-konsegwenza li ma jkunx hemm tranżizzjoni lixxa minn ġudikant għall-ieħor, bix-xogħol ta’ l-ewwel jibqa’ staġnat u jiżdied għal xi xhur sakemm issir in-nomina l-ġdida biex il-ġudikant il-ġdid mal-ewwel jiffaċċa “backlog” qawwi. “Mhux kulħadd ikun jaf meta jkun se jirtira Imħallef jew Maġistrat? Allura għalfejn din id-diffikulta?”, qal l-Imħallef.
L-Imħallef Mallia beda d-diskors tiegħu dwar il-kważi 30 sena li huwa serva bħala Maġistrat u Imħallef, kemm f’Malta kif ukoll Għawdex. Qal li huwa għamel minn kollox, ċivil, kummerċ, volontarju, kriminal, ġurijiet u f’ċirkostanzi żgħar serva fuq il-Qorti tal-Appell meta kien hemm astensjoni ta’ wieħed mill-Imħallfin regolari.
Qal ukoll li esperjenza siewja għalih kienet meta serva bħala President fuq it-Tribunal tal-Investigazzjonijiet tal-Inġustizzji fejn ħa perspettiva oħra ta’ kif ċertu nies iħarsu lejn il-ġustizzja b’element ta’ perċessjoni. L-istorja tiegħu fil-ġudikatura was snin bħala avukat prattikanti kienet bdiet fl-1986 bil-ħatra ta’ Maġistrat u mill-ewwel imbarka fuq il-“hallmark” tal-karriera tiegħu, dik li jagħti s-sentenzi fi żmien qasir u fil-ħin.
Dwar il-“backlogs” fil-Qorti u li standards li dejjem żamm, l-Imħallef Mallia qal li għaldaqstant kien ħa għalih bil-kbir meta qara fil-gazzetti li l-moniteraġġ tal-Unjoni Ewropea jagħti stampa negattiva ħafna tal-operat tal-ġudikatura Maltija fil-qasam taċ-Ċivil u l-Kummerċ. Din l-istatistika ħadet kont, per eżempju, tal-fatt li f’Malta għandna l-anqas numru ta’ ġudikanti “per capita” mill-bqija tal-pajjiżi tal-Ewropea? Ħadet kont tal-“workload” ta’ kull ġudikant u d “disposal rate” tiegħu, li minkejja d-diffukiltajiet kbar, qegħdin isiru sforzi ġenwini biex l-istennija tal-pubbliku tiġi milħuqa.
L-Imħallef Mallia irringrazzja l-ħaddiema li ħadmu miegħu tul is-snin fil-ġudikatura, fosthom huwa sellem ukoll il-memorja ta’ Anna Midolo, li mietet ħabta u sabta fil-Festa ta’ San Ġużepp ta’ din is-sena. “L-erbgħa wara nofs inhar kollna qed insellmu lil xulxin u qabel tlaqt xtaqna lil xulxin il-weekend it-tajjeb. Fejn kont nobsor li l-għada filgħodu kont se nirċievi telefonata bl-aħbar tal-mewt tagħha. Anna kienet tieħu ħsieb il-ġurati, l-lukanda u l-ikel ta’ kulħadd. Iżda kienet ukoll fonti ta’ nformazzjoni ta’ sentenzi fil-kriminal speċjalment dawk mogħtija mill-Imħallef Joe Galea Debono.
“Kellha għerf u konnoxxenza ferm għola mill-grad tagħha, imma b’dispjaċir dan qatt ma ġie rikonoxxut mill-amministrazzjoni u baqgħet dejjem fl-istess grad, dak ta’ clerk. Il-kontribut tagħha fir-reġistru tal-kriminal kiene wieħed notevoli u ta’ dan aħna, l-kollegi li ħdimna magħha, nibqgħu dejjen rikonoxxenti. Aħna se nħossu l-assenza tiegħek! Fuq din il-vena, insellem ukoll il-memorja ta’ żewġ kollegi ġudikanti li ħallewna din l-aħħar tas-sena, l-Imħallef Gino Camilleri u l-Maġistrat Joe Apap Bologna – żewġ ikoni ta’ integrita’ li bħali servew għal għexieren ta’ sni fil-ġudikatura Maltija”, qal l-Imħallef Mallia.
//= $special ?>