Internazzjonali

Is-Sawdi jibdew l-attakki mill-ajru fil-Jemen

L-Arabja Sawdija bdiet l-attakki mill-ajru kontra r-ribelli Houthi fil-Jemen.
L-Ambaxxatur Sawdi għall-Istati Uniti spjega li l-Arabja Sawdija ħadet dan il-pass ‘biex tiddefendi lill-Gvern leġittimu’ tal-President tal-Jemen, Abdrabbuh Mansour Hadi.
Fi żvilupp ieħor, Mohammed al-Bukhaiti, ribell ewlieni tal-Houthi Xiti, wissa li l-azzjonijiet militari tal-qawwiet Sawdi qed jitqiesu bħala aggressjoni kontra l-Jemen. Dan ir-ribell sostna wkoll li, fiċ-ċirkostanzi, kapaċi tiżviluppa ‘gwerra fuq diversi fronti’ fir-reġjun.
L-Arabja Sawdija bagħtet mal-100 ajruplan tal-gwerra u 150,000 suldat biex jappoġġjaw l-azzjonijiet kontra r-ribelli Houthi.
Il-Ġordan qal li l-ajruplani tal-gwerra tiegħu wkoll qed jieħdu sehem fil-kampanja li, fl-istess ħin, għandha l-appoġġ tas-Sudan, il-Marokk, l-Eġittu u l-Pakistan. Ir-rapporti qalu li dawn il-pajjiżi huma lesti għal sehem dirett fl-azzjoni militari dment li jkun neċessarju.