Lokali Parlament

Jibqa’ jipposponi wkoll li jagħti informazzjoni dwar konsulenzi

Il-Ministru Konrad Mizzi ppospona wkoll milli jagħti informazzjoni li talbet l-Oppożizzjoni meta għat-tieni darba fl-aħħar tliet xhur, iddikjara fil-Parlament li l-informazzjoni għadha qed tinġabar dwar rapporti u konsulenzi li kienu kummissjonati mill-Ministeru responsabbli għalih – dak għas-saħħa u l-enerġija.

Il-mistoqsija ilha biex titwieġeb għal dawn l-aħħar tliet xhur. Ix-Shadow Minister Claudio Grech kien għamel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa fil-31 ta’ Diċembru li għadda.

Wara li għal dik il-mistoqsija, il-Ministru Konrad Mizzi kien wieġeb li l-informazzjoni kienet qed tinġabar, ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg regħet ressqet din il-mistoqsija fil-bidu ta’ dan ix-xahar, fit-2 ta’ Marzu, bir-risposta li ngħatat din il-ġimgħa tkun identika għall-ewwel mistoqsija – li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Ministru Konrad Mizzi ken mitlub jagħti lista ta’ assignments u/jew kummissjonijiet għall-konsulenzi, rapporti, studji u eżerċizzji oħra simili li tqabbdu mid-dipartimenti u l-entitajiet kollha fil-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 sa Novembru 2014. Hu mitlub ukoll jgħid f’kull każ, xkien l-iskop tax-xogħol imqabbad; meta tqabbad; kemm sewa jew se jiswa; kif intgħażel il-kuntrattur; min għażel il-kuntrattur; u meta tlesta x-xogħol jew se jitlesta.

Wara tliet xhur, l-Oppożizzjoni għadha bla risposta u mingħajr informazzjoni.