Internazzjonali

FILMAT: Jirranka l-isteriżmu wara t-tluq ta’ Zayn Malik minn ma’ One Direction

Il-leġjuni tal-fans ta’ ‘One Direction’ ma tilfux iż-żmien biex joħorġu bir-reazzjonijiet isteriċi wara l-konferma li Zayn Malik kien spiċċa bħala membru tal-grupp li kiseb tant suċċessi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

Il-fans tal-‘boy band’ użaw Twitter u l-mezzi l-oħra tal-medja soċjali biex jitolbu lill-idolu tagħhom ħalli jibdel fehmtu. L-isteriżmu inkontrollabbli ta’ dawn in-nies – fil-parti kbira nett tfajliet adolexxenti – deher ovvju f’messaġġi li qabblu t-tluq ta’ Malik bħala ‘simili għall-mewt’, bi tfajla partikolari tikteb li ‘qed tħossha daqslikieku d-dinja tagħha spiċċat’.

L-aħbar li Zayn Malik mhux se jkompli ma’ ‘One Direction’ qanqal gelgul ta’ kummenti, analiżi u tipi oħra ta’ reazzjonijiet madwar id-dinja – biex wieħed ma jsemmix medja ta’ 4,600 ‘tweet’ il-minuta.

Zayn Malik kien ilu membru ta’ ‘One Direction’ għal ħames snin u – wara l-aħħar tour dinji tal-grupp – qal li, minn issa ‘l quddiem, hu irid jgħix ħajtu ‘bħala żgħażugħ normali ta’ 22 sena’.