Lokali Qorti

Kumpanija tat-tindif titlob danni lill-Kunsill Bormliż fi protest lip preżentat

Wara li f’sentenza li ngħata mill-Qorti ngħad li kien hemm kunflitt ta’ interess minn naħa tal-membru parlamentari Laburista dwar għoti ta’ tender fuq li skart mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla, kumpanija tat-tindif qed titlob lill-istess Kunsill Lokali biex itemm il-kuntratt li ngħata lil individwu għall-ġbir tal-iskart fil-lokal u talbitu jagħtiha kumpens talli mhux jimxi ma’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell.

Permezz ta’ protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra Alison Zerafa Civelli u Joseph Caruana bħala s-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla rispettivament, il-kumpanija WM Environmental Limited irreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Appell tal-11 ta’ Novembru li għadda b’rabta mal-imsemmi kuntratt.

F’din is-sentenza l-Kunsill Lokali ta’ Bormla kien ordnat li jħassar il-kuntratt li ta lil Saviour Mifsud u jerġa’ jevalwa l-offerti li rċieva. Il-kumpanija kienet allegat li l-konsulent legali tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla, Luciano Busuttil, qed jiddefendi lil Saviour Mifsud f’kawża li dan kellu mal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u għalhekk seta kien hemm kunflitt ta’ interess.

Minbarra li ħassret il-kuntratt, il-Qorti tal-Appell kienet ordnat lill-Avukat Ġenerali, lid-Direttur tal-Kuntratti u lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex jinvestigaw jekk l-Avukat Busuttil kellux kunflitt ta’ interess.

Fil-protest tagħha, il-kumpanija WM Environmental Limited ilmentat li kulma għamel il-Kunsill Lokali ta’ Bormla kien li infurmaha li bidel il-konsulent legali tiegħu madankollu Mifsud kien għadu qed jiġbor l-iskart domestiku minkejja li l-kuntratt għalaq u reġgħet ħarġet sejħa għall-offerti. Il-protest ġie ffirmat mill-Avukat John Bonello.