Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista fix-Xagħra, matul l-aħħar leġislatura falla fil-wegħdiet ewlenin li għamel qabel l-elezzjoni lokali ta’ ħames snin ilu. Tant hu hekk li numru ta’ proġetti ewlenin għal-lokalità baqgħu fuq l-ixkaffa.
Dan ħareġ waqt żjara li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel fil-lokalità, akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said, mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ryan Mercieca u mill-erba’ Kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-11 ta’ April li ġej; Anthony Attard, Joseph Attard, Kevin Cutajar u Maria Grima.
Wieħed mill-proġetti li l-Kunsill Lokali tax-Xagħra poġġa bħala prijorità kienet Triq Marsalforn, li suppost kellha tiswa €230,000 iżda li sal-lum l-ispiża għall-parti żgħirha minnha li diġa’ saret telgħet għal nofs miljun ewro. Minbarra li din l-ispiża se torbot lill-amministrazzjoni l-ġdida tal-Kunsill Lokali, ir-residenti tħallew bi triq perikoluża mimlija tappieri ogħla mil-livell tat-triq u bi problema ta’ għarar kbar.
Peroġett ieħor imqwiegħed qabel l-aħħar elezzjoni kien il-bini ta’ ċentru ċiviku ġdid fi Vjal it-8 ta’ Settembru imma matul din il-leġiżlatura ma sar xejn dwar dan il-proġett.
Proġett ieħor li waqa’ lura u baqa’ ma tlestiex hu dak tar-restawr tal-Mitħna ta’ Kola. Qabel l-elezzoni ġenerali li għaddiet, il-Kunsill Lokali tax-Xagħra baghat ittri fuq ittri lill-Gvern biex jagħmel pressjoni ħalli jkompli x-xogħol fuq din il-Mitħna. Iżda wara l-elezzjoni ġenerali, dan il-Kunsill Lokali waqa’ fil-muta u injora dan il-proġett, minkejja li kien prijorità u wegħda prinċipali fil-lokalità.
Biswit il-Mitħna hemm ukoll ġnien rikreattiv, li għalih ġew akkwistati fondi mill-Unjoni Ewropea iżda li disa’ xhur wara, ir-residenti għadom ma bdewx igawdu minn dan il-proġett.
Min-naħa l-oħra, proġett li minnu gawda l-lokal hu dak tal-immodernizzar tat-Tempji tal-Ġgantija fix-Xagħra, li nbidlu minn Tempji għal Post tal-Viżitaturi wara li gawdew minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt Gvern Nazzjonalista. Matul is-sena li għaddiet, dan is-sit attira lejh madwar 175,000 viżitatur u kien l-aktar post tax-xorta tiegħu fil-gżejjer Maltin li żaruh nies.
//= $special ?>