Lokali Qorti

L-A.Ġ. attakkat għax dejjem jopponi biex Bin Han isiefer għal “meeting” fl-Italja u jilqa’ t-talba

Il-Maġistrat Carol Peralta attakka lill-Avukat Ġenerali talli għal tliet darbiet dejjem oppona t-talba ta’ Bin Han ta’ 46 sena, biex dan imur għal laqgħal-Italja fuq xogħol tal-kumpanija. Bin Han, li huwa Ċiniż, huwa Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Leisure Clothing, mixli bi sfruttament ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u traffikar ta’ persuni ta’ nazzjonalita’ Vjettnamiża u Ċiniża.

Il-Maġistrat Peralta laqa’ t-talba wara li fl-aħħar seduta Bin Han kien ukoll ippreżenta l-biljett tal-vjaġġ tiegħu lejn l-Italja. Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat sejjer l-Italja mal-avukat tiegħu Pio Valletta.

“L-Avukat Ġenerali għandu xi ħaġa waħda tberren f’moħħu u ma nafx għaliex. Parti mill-ekonomija Maltija tiddeppendi fuq il-“Leisure Clothing” għaliex hija waħda mill-kumpaniji tal-manifattura,” qal il-Maġistrat Carol Peralta.

Huwa wara għadda biex ikellem lil Bin Han li qallu “int intelliġenti biżżejjed biex tkun taf x’inhuma l-konsegwenzi jekk ma tiġix Malta, għalik u għall-kumpanija. Il-kundizzjonijiet li se nagħmillek huma li kif tasal Malta mur u fittex iddepożita l-passaport fil-Qorti.”

F’ħin minnhom l-Ispettur Silvana Briffa li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni qalet ukoll li fis-seduta tal-Ħamis, kellhom jixhdu żewġ vittmi Vjettnamiti li kienu jaħdmu l-Leisure Clothing. Dan wara li ġie deċiż li dawn jixhdu f’seduta oħra, l-Maġistrat Peralta wieġeb lill-Ispettur Briffa billi qalilha, “toqgħodx tgħidilhom vitmi dawn, għax komparati ma pajjiżhom dawn Malta qegħdin jgħixu ta’ rejiet u rġejjen.

Ma’ Bin Han għaddej ukoll kumpilazzjoni fuq l-istess akkużi Liu Jia ta’ 32 sena, Direttur tal-Marketing tal-istess kumpanija Leisure Clothing. Iċ-Ċiniżi kienu tressqu l-Qorti fid-19 ta’ Novembru li għadd mixlijin bi sfruttament ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u traffikar ta’ persuni ta’ nazzjonalita’ Vjettnamiża u Ċiniża.

Huma qegħdin iwieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom Bin Han, residenti San Ġwann u Liu Jia residenti Birżebbuġia, qegħdin jiġu mixlijin b’miżappropjazzjoni, dik li dawwru proffitt għalihom b’mod illeċtu għad-dannu tal-ħaddiema mis-salarji tagħhom u li allegatament kienu sfruttati billi ma tħallsux skont il-liġi, anke fejn tidħol sahra.

Fil-bidu li tressqu, kienet milqugħa wkoll it-talba tal-Prosekuzzjoni li jiġu ffriżati l-assi u l-propjeta’ tal-akkużati. Id-Diretturi tal-kumpanija qed ikunu mixlijin li sfruttaw mill-anqas disa’ ħaddiema fid-29 ta’ Ottubru u fix-xhur u fis-snin ta’ qabel.

Bin Han u lil Liu Jia huma mixlijin b’disa’ akkużi fejn l-Ispettur Busuttil qed jikkontendi li n-natura tar-reati li bihom qegħdin jiġu mixlija, għandhom iwasslu biex dawn jgħaddu ġuri.

Id-Diretturi tal-kumpanija li tinsab Bulebel fiħ-Żejtun huma akkużati wkoll li bi vjolenza u theddid, inkluż is-serq ta’ persuna, b’qerq u ingann irċevew ħlasijiet biex ikolhom il-kontroll fuq il-ħaddiema, u li dawwru proffitt għalihom li huwa ta’ aktar minn €5,000.

Huma akkużati wkoll li fil-kwalita’ tagħhom ta’ Diretturi, naqsu li jħallsu l-paga dovuta għall-perjodu ta’ bejn iot-22 ta’ Novembru, 2013 u l-25 ta’ Lulju li għadda, .li tammonta għal €5,841.36ċ, u naqsu li jħallu l-allowance ta’ kull ġimgħa għall-perjodu ta’ bejn it-22 ta’ Novembru 2014 u l-31 ta’ Marzu, 2014 li jammontaw għal kważi €89.

Id-Diretturi jinsabu mixlijin ukoll li naqsu li jħallsu l-Bonus statutorju bejn it-22 ta’ Novembru, 2013 u t-30 ta’ Ġunju li għadda li jammonta għal ftit aktar minn €164, u naqsu li jħallsu lill-ħaddiema s-sahra dovuta tas-Sibtijiet, Ħdud u fest pubbliċi li tammonta għal aktar minn €1,700 u sahra oħra li taqbeż il-€15,000 u li dan ukoll jinkludi l-ammont ta’ bolla mhux imħallsa.

Kien hemm ukoll ħlasijiet oħra li jammontaw għal eluf ta’ ewro fil-konfront tal-ħaddiema li baqgħu ma tħallsux. Kienu mixlijin ukoll li bħala Diretturi eżerċitaw awtorita’ billi wettqu reat. Huma akkużati wkoll li fl-istess ċirkostanzi bħala Prinċipali naqsu milli joqgħodu għal xi kundizzjoni tal-impiegi skont standard nazzjonali jew b’ordni biex jirregolaw settur jew bi ftehim kollettiv.

L-Avukati Pio Valletta u Edward Gatt qegħdin jidhru għall-akkużati u l-kumpanija filwaqt li l-Avukati Lara Lanfranco, f’isem l-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Joseph Busuttil u Silvana Briffa qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni.