Kultura

Is-Seba’ Kelmiet: Serata ta’ mużika sagra u proża

L-Għaqda Mużikali Immakula Kunċizzjoni Ħamrun organizzat b’suċċess serata ta’ mużika sagra u proża li jfakkru l-aħħar sigħat tal-Passjoni tal-Feddej.

L-attivita’ ittellgħet nhar it-Tnejn 23 ta’ Marzu, fil-Knisja Parrokkjali tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun, taħt il-patroċinju tal-Arċisqof Emeritu, l-E.T. Monsinjur Pawlu Cremona, u rat is-sehem tal-mistiedna speċjali, is-Sopran Rosabelle Bianchi u l-Flawtista Mariella Farrugia.

Għall-animazzjoni tas-serata taw sehemhom il-Versatile Brass Quintet, bis-sehem ta’ Alex Zammit, Justin Jean Paul Azzopardi, Michael Bugelli, John Tonna u John Ivan Borg.

Is-serata involviet riflessjoni fuq is-seba’ kelmiet li tenna Ġesu’ Kristu fuq is-salib, kelmiet li bid-devozzjoni Franġiskana huma magħrufa aħjar bħala “il-Mixja tas-Salib”.

Fost oħrajn tkantaw innijiet bħal Abide With Me, Nella Fantasia, You Raise Me Up, Schindler’s List, Amazing Grace, Lacrimosa, Eterna Pace u l-Ave Maria ta’ Caccini, bis-serata tintemm bil-kant tal-kanzunetta The Prayer.

Dan minbarra diversi siltiet ta’ proża li żewqu s-serata, fosthom bil-qari tal-poeżija “L-Imsallab”, ta’ Kelinu Cachia, “Il-Mastrudaxxa tal-Ġenna”, “Id-Duluri ta’ Marija”, “Il-Kalvarju” ta’ Joe Meilak, “Swat” u “Is-Salib” ta’ Mary Meilak, “L-Omm ta’ Binha Msallab” minn Oliver Friggieri u “Iż-Żmien Għażiż tal-Ġimgħa l-Kbira” mill-Kavallier J. M . Attard.

L-Għaqda Mużikali tawgura li din is-serata serviet ta’ riflessjoni f’dan iż-żmien tar-Randan u tirringrazzja lil kull min attenda.