Internazzjonali

L-ebda deċiżjoni għalissa dwar Knox u Sollecito

L-Ogħla Qorti Taljana ipposponiet għal xi żmien id-deċiżjoni dwar jekk tikkonfermax il-kundanna tal-Amerikana, Amanda Knox, u l-eks-sieħeb tagħha (it-Taljan) Raffaele Sollecito, b’konnessjoni mal-omiċidju tal-istudenta Britannika, Meredith Kercher, li jmur lura għall-2007.
Il-qorti, proprju l-Ġimgħa, għandha tisma’ d-diskorsi tal-avukati ta’ Sollecito qabel l-Imħallfin jgħaddu l-verdett finali.
Knox u Sollecito kienu kkundannati dwar il-qtil ta’ Meredith għat-tieni darba, fl-2014, u meta huma diġa kienu skuntaw erba’ snin ħabs minħabba d-delitt.
Intant, hemm stennija kbira sakemm il-Qorti Ewlenija ta’ Ruma ‘tikkonferma jew tħassar’ il-verdett ta’ ħtija għal Knox u Sollecito. F’każ ta’ konferma, il-qorti għandha toħroġ direttiva għal proċess tal-qorti ġdid jew, effettivament, ittenni l-maħfra ‘konkreta’ għaż-żewġ imputati.
Amanda Knox , illum, qed tgħix f’Seattle, fl-Istati Uniti u f’każ li l-qorti ewlenija Taljana tikkonferma l-kundanna definittiva fil-każ ‘Kercher’, mistennija jseħħu t-tentattivi kkumplikati għall-estradizzjoni tat-tfajla Amerikana lejn l-Italja.
Intant, Raffaele Sollecito, li hu residenti f’Bari, baqa’ jattendi d-diversi smigħ tal-qorti u meta nhar l-Erbgħa, hu kien preżenti fl-awla flimkien mat-tfajla tiegħu.
Min-naħa tiegħu, l-avukat li qed jirrappreżenta lill-familja ta’ Meredith Kercher, sostna li l-qraba tal-vittma qed jittamaw li d-deċiżjoni finali tal-qorti ġġib fi tmiemu l-proċess ġudizzjarju.