Internazzjonali

L-Italja ordnata teqred eluf ta’ siġar taż-żebbuġ

L-Italja ġiet ordnata teqred madwar 10% tal-11-il miljun siġra taż-żebbuġ li għandha fl-inħawi ta’ Lecce, fin-naħa t’isfel tal-pajjiż, wara li dawn instabu li ġew infettati minn mikrobu partikolari.

Il-Kummissjoni Ewropea wissiet lill-Italja biex tieħu l-miżuri li għandha tieħu biex tikkontrolla l-bakterja Xylella fastidiosa li thedded ukoll lil siġar taċ-ċitru u lid-dwieli, u li tassigura li ma jsir ebda kummerċ fi speċi li jista’ jkun vulnerabbli għal dan il-mikrobu.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipproponi iktar miżuri ġodda din il-ġimgħa wara li qieset li s-sitwazzjoni marret għall-agħar mis-sajf li għadda meta kienet ħarġet l-ewwel sett ta’ miżuri. Skont il-European Food Safety Authority, il-marda, li toqtol lis-siġar billi tnixxifhom, qed tinfirex minħabba l-insetti.

Din hi problema kbira għall-Italja, li hi t-tieni l-ikbar produttur taż-żejt taż-żebbuġa fl-UE wara Spanja. L-awtoritajiet Taljani qed jipproponu li kull żona infettata tiġi iżolata billi jinħolqu meded ta’ 15-il kilometru li fihom ma jkollhom ebda siġra jew pjanta. In-nies tal-post qed jissuspettaw li l-marda daħlet fl-Italja ma’ pjanti ornamentali li ġew impurtati mill-Kosta Rika.

L-organizzazzjoni Peacelink madankollu kitbet lill-Kummissarju Ewropew Andriukaitis, tiċħad li hi l-bakterja Xylella li qed tmarrad lis-siġar. Qalet li studju li sar mill-Università ta’ Foggia wera li l-mard kien ikkaġunat minn fungi mhux minn din il-bakterja, u li iktar minn 500 siġra taż-żebbuġ ġew ittrattati u rkupraw mir-rebbiegħa tas-sena l-oħra ‘l hawn. Għalhekk ħeġġet lill-UE biex ma jeqirdux dawn is-siġar taż-żebbuġ u sostniet li din il-mossa hi assolutament mhix meħtieġa.