Lokali

Maratona ġbir ta’ fondi: it-Tlieta 31 ta’ Marzu

Nhar it-Tlieta 31 ta’ Marzu, Festa Pubblika, l-Partit Nazzjonalista se jorganizza Maratona Ġbir ta’ Fondi fid-Dar Ċentrali marbuta mal-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-11 ta’ April li ġej.

Il-Maratona bit-tema Nagħmlu d-Differenza se tibda fl-10am u tibqa’ sejra sa nofs-il-lejl u se tixxandar fuq Net Television kif ukoll se jkun hemm skeda speċjali fuq Radio 101 li se jxandar mill-foyer tad-Dar Ċentrali.

Matul il-maratona l-pubbliku se jkollu ċans jiltaqa’ u jsir jaf mill-qrib il-kandidati kollha li se jikkontestaw l-elezzjonijiet lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Minħabba li l-Maratona se ssir fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa se jkun hemm temi partikulari fosthom dawk soċjali.

Matul il-Maratona se jkun hemm ukoll team minn Chef Malta li kull siegħa se jħejju platt differenti marbut mal-festa tal-Għid il-Kbir.

Matul il-Maratona Andrew Farrugia li kiseb diversi records dinjija fl-iskultura taċ-ċikkultata se jagħmel xogħol artistiku mill-isbaħ fuq bajd tal-Għid.

Din se tkun opportunita’ għall-familji kollha Maltin u Għawdxin biex jiġu fid-Dar Ċentrali u filwaqt li jkunu qed jgħinnu lil Partit Nazzjonalista, jkollhom l-opportunita’ jiddevertu, jirriflettu u anke jirbħu rigali sbieħ.

Se jattendu wkoll il-Kap tal-Partit Simon Busuttil, il-Viċi Kapijiet, d-deputati u uffiċjali tal-Partit li se jiltaqgħu mal-pubbliku li jattendi.