Lokali Qorti

Sentejn u nofs ħabs għal Slimiż fuq eroina mhux għal użu personali

Jason Abela ta’ 44 sena minn tas-Sliema, mar sentejn u nofs ħabs u ġie mmultat €2,000 mill-Maġistrat Marseanne Farrugia wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu d-droga eroina, li nstabet f’ċirkotanzi li juru ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Il-każ seħħ f’Mejju tal-2004.

Mill-provi rriżulta li dakinhar il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienet qed tissorvelja blokk ta’ appartament fejn joqgħod Abela. F’ħin minnhom, dan ħareġ flimkien ma’ tifla, li dak iż-żmien kellha tmien snin, li kien qed iżommha minn idha.

Malli Abela induna bil-preżenza tal-Pulizija, ipprova jaħrab u beda jarmi kwantità ta’ karti tal-flus mal-art, li ġew miġubrin mill-Pulizija. Dak il-ħin, il-Pulizija ġrew warajh u rnexxielhom jaqbduh. Huma għamlu tfittixija fuqu u sabu pakketta tas-sigaretti, fejn kellu “sachet” tal-plastik bi trabb kannella. Kellu tliet iqratas tal-karti bi trab kannella. Apparti hekk, huwa kellu fuqu ammont ta’ €894, li ġew elevati mill-Pulizija.

Wara saret tfittixija fir-residenza ta’ Abela u fil-kċina, l-Pulizija sabu qartas ieħor tal-karti bi trab kannelli, karti bojod plain, tliet mobajls u miżien diġitali. Fil-Qorti l-imputat xehed fejn qal li dak iż-żmien huwa kien jikkonsma bejn nofs gramma u gramma kważi kuljum. Huwa jgħid li ma kienx jikkonsma d-dar għaliex kellu tifla żgħira b’diżabilità u tfajla ġdida, u ma riedx jurihom li kien jabbuża mid-droga.

Qal li ġieli kien jabbuża fil-garaxx ta’ ommu, ftit aktar il-barra. Huwa qal li d-droga kien jeħodha billi jittaqqab. Mistoqsi għaliex kellu erba pakketti droga fuqu, Abela wieġeb “jien kont naqsama biex ikolli għal kuljum biex meta mmur naqlagħha minn ġol post naħbieha, naqbad wieħed u nitlaq, fhimt.”

X’ħin ġiet biex tiddeċiedi, il-Qorti qalet li hija konvinta li ‘l hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni, li l-eroina li nstabet fil-pusess tal-imputat ma kinitx intiża għall-użu esklussiv tiegħu. Dan għal diversi raġunijiet fosthom, għaliex ma tax dettalji ċar dwar fejn kien se jaħbi d-droga u ma spjegax għalfejn huwa ħareġ b’erba qratas biex skont hu jaħbihom.

Kien għal dan il-fatt li l-Qorti kkundannat lill-imputat għal sentejn u nofs u multa ta’ €2,000.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Dennis Theuma.