Internazzjonali

Assad sodisfatt bil-preżenza navali tar-Russi qrib is-Sirja

Il-President Sirjan, Bashar al-Assad, insista li pajjiżu hu dispost li jilqa’ kwalunkwe żieda ta’ qawwiet navali Russi fl-ibħra tal-Mediterran lejn il-Lvant u ‘l hinn mill-kosta u l-portijiet tas-Sirja – inkluż il-port ta’ Tartus.

Assad sostna li preżenza akbar tal-qawwiet tal-baħar Russi ‘l hinn mis-Sirja għandha tgħin biex ir-reġjun isir aktar stabbli.

Ir-Russja qed tmexxi bażi navali f’Tartus, lejn il-Lvant tas-Sirja u li tinkludi l-vapuri tal-gwerra, il-barracks u l-imħażen. Il-bażi twaqqfet taħt ftehim tas-sigurta tal-1971, b’Moska tirreferi għall-preżenza tagħha, f’Tartus, bħala ‘zona teknika u għall-provvisti li sservi l-ħteġiet tal-qawwiet tal-baħar Russi’ .

Il-President Sirjan qal li l-appoġġ militari tar-Russja lis-Sirja ‘kompla’ tul l-erbgħa snin ta’ gwerra ċivili f’pajjiżu. Hu anki faħħar ir-rwol tar-Russja biex tilqa’ tieni round ta’ taħditiet għall-paċi, iżda sostna li l-entitajiet li jidħlu għan-negozjati ma jridux jispiċċaw influwenzati minn ‘elementi barranin’.

Il-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana li topponi lill-Gvern ta’ Assad u li għandha l-appoġġ tal-Punent, sadanittant, ħabbret li mhix se tattendi t-taħditiet għall-paċi li jmiss ( dwar is-Sirja) li se jsiru f’Moska bejn is-6 u d-9 ta’ April.