Eluf ta’ devoti madwar Malta u Għawdex illejla nġabru fit-toroq biex ifakkru l-festa devota tad-Duluri, b’diversi Parroċċi jorganizzaw il-purċissjoni tradizzjonali bix-xbieha ta’ Marija Addolorata.
L-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa l-purċissjoni bil-vara ta’ Marija Addolorata li ħarġet mill-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. Jakkumpanja lill-Arċisqof Charles J Scicluna kien hemm ukoll l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.
Il-maltemp wassal biex il-purċissjoni tad-Duluri ma toħroġx f’għadd ta’ lokalitajiet fosthom fil-Parroċċa ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi fejn id-devoti ingħaqdu flimkien biex jgħidu r-rużarju fil-Parroċċa.
Jingħad li din it-tifkira tad-Duluri bdiet fis-Seklu XV fil-belt Ġermaniża ta’ Cologne. Fil-bidu tas-Seklu XVII, din id-devozzjoni qabdet fi Franza u kien il-Papa Benedittu XIII li fit-22 ta’ April 1725 ordna li din il-Festa kellha tkun iċċelebrata mill-Knisja Universali. Minn hawn, kompliet tinxtered dejjem aktar din il-qima lejn id-Duluri.
Meta fl-1814, il-Papa Piju VII wettaq riforma fil-Kalendarju Liturġiku, hu rreġistra d-data tal-15 ta’ Settembru bħala Jum it-Tifkira ta’ Marija Addolorata.
Id-devozzjoni lejn id-Duluri wasslet ukoll biex f’Malta bdew jitwaqqfu għadd ta’ fratellanzi madwar l-ibliet u l-irħula tagħna. L-ewwel Konfraternità tad-Duluri twaqqfet f’Ħal Ghaxaq fl-1684. Fil-Belt Valletta nsibu li twaqqfet fit-12 ta’ April 1765, filwaqt li fil-Mosta twaqqfet fl-1886.
Din iċ-ċelebrazzjoni tad-Duluri tagħti bidu għall-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, li jkomplu jumejn oħra bil-Festa ta’ Ħadd il-Palm u li jilħqu l-qofol tagħhom f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.
//= $special ?>