Lokali

Fil-kampanja Maltija, l-għasafar ftit għandhom ċans jibqgħu ħajjin – il-kampanja SHout

L-għasafar ftit għandhom ċans jibqgħu ħajjin fil-kampanja Maltija għax isibu jilqgħuhom l-akbar konċentrazzjoni ta’ kaċċaturi fid-dinja. Dan sostnewh kelliema tal-kampanja SHout waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Birkirkara. Waħda mill-kelliema, Moira Delia, qalet li Malta għandha l-aktar popolazzjoni densa fl-Ewropa, kif ukoll l-akbar konċentrazzjoni ta’ kaċċaturi fid-dinja b’figura xokkanti ta’ 65 kaċċatur għal kull 1km kwadru ta’ kampanja.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, intqal ukoll kif il-kampanja f’Malta naqset tul is-snin minħabba li l-iżvilupp intens qed jieħu post żoni naturali. Bħalissa, anqas minn 20% biss ta’ pajjiżna hu magħmul mill-kampanja. Dan ifisser li dejjem qed jonqos l-ispazju biex l-għasafar u n-natura jiffjorixxu, kif ukoll għan-nies biex igawdu. Moira Delia qalet li r-Referendum dwar il-Kacca fir-Rebbiegħa hu test dwar id-demokrazija, fejn in-nies jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu.

Delia sostniet li hemm ħafna votanti li għad iridu jiġbru l-vot, kif ukoll li hemm ħafna nies li għad iridu jiddeċiedu. Il-kampanja SHout ħeġġet biex in-nies jivvutaw għall-protezzjoni u post għall-għasafar fejn jistrieħu u li jkun sigur, minflok ma jivvutaw favur il-qtil tagħhom huma u jkunu sejrin biex jirripproduċu.