Lokali

Ħabib ta’ Joseph Muscat jinħatar bħala Kap Eżekuttiv ġdid tal-ITS

Nhar l-Erbgħa l-Gvern ħabbar li, minflok Henry Mifsud, inħatar Pierre Fenech bħala Direttur Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS.

Dan hekk kif fi stqarrija l-Gvern qal li qed issir investigazzjoni dwar il-każi li jirrelataw lil Henry Mifsud. Fosthom il-każ meta kien qed isir ikel b’xejn mill-Istitut għal riċevimenti privati, li saret attività suppost għal-ħaddiema kollha meta dan ma kienx minnu, li ġew utilizzati fondi tal-Unjoni Ewropea għal riċeviment u li ma kinux segwiti l-proċeduri adegwati.

Iżda l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-ITS bħalissa hu wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, l-MCC.

Minbarra dan, informazzjoni li waslet għand dan il-portal, tgħid li l-mara tal-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-ITS, Romina Fenech, mistennija tingħata kariga importanti fi ħdan l-Awtorità tad-Djar.

Mill-istess informazzjoni li waslet għand dan il-portal jirriżulta li kemm il-Kap Eżekuttiv tal-MCC, li issa hu wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, u l-mara tiegħu Romina Fenech li mistennija tingħata l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, huma ħbieb sew tal-Prim Ministru Joseph Muscat u ta’ martu Michelle Muscat.

Il-ħatra ta’ Pierre Fenech li fissret is-sospensjoni ta’ Henry Mifsud tħabbret proprju ftit wara li l-Partit Nazzjonalista kien ħareġ avviż li se jagħmel Konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-ITS, liema konferenza indirizzat is-sensiela ta’ stejjer dwar tmexxija ħażina fl-ITS.