L-impjegati fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f’dawn il-jiem komplew bl-azzjonijiet industrijali tagħhom li qed isiru minħabba żewġ kwistjonijiet pendenti – il-kontroversja tal-parkeġġ u l-kwistjoni ta’ impjegata li allegatament qed tiġi imbuttata ‘l fuq b’mod diskriminatorju fil-konfront ta’ sħabha.
Dan tal-aħħar huwa l-aktar każ jaħraq fl-NSO, u li dwaru dan il-portal diġà rrapporta storja f’Novembru li għadda.
Din l-impjegata hija Mary Rose Grech – persuna qrib ħafna tal-Partit Laburista, u membru attiv li tgħin ukoll fil-counting hall kull meta jkun hemm elezzjonijiet. Grech hija l-mara li minn messaġġiera issa spiċċat tokkupa kariga għolja fl-NSO.
F’Novembru l-ħaddiema tal-NSO kienu pprotestaw mal-Awtorità tal-Istatistika dwar il-mod kif inħoloq grad apposta biex tkun aġevolata din il-persuna partikolari. Dan il-grad qatt ma kien parti mill-istruttura tal-NSO.
Diversi sorsi issa qalulna li Grech se tieħu r-rwol ta’ Statistics Executive fi ħdan l-NSO, u llum tagħmel parti mill-Labour Market Unit. “Din il-promozzjoni hija inġusta u diskriminatorja”, qaltilna waħda mill-ħaddiema tal-NSO. Kien propju minħabba f’hekk li ġew ordnati azzjonijiet fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Intant, il-ħaddiema tal-NSO jinsabu ferm urtati ukoll dwar il-mod kif mexa magħhom il-Gvern rigward il-parkeġġ. Issa jidher li xi ħadd mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħareġ bl-idea li jkunu allokati 15-il parkeġġ fil-foss tal-Belt. Dan meta fl-NSO hemm 150 impjegat.
//= $special ?>