Lokali

Il-Gvern kien se jagħti art pubblika għal 65 sena mingħajr dibattitu Parlamentari

L-aħbar tal-bieraħ li l-Gvern jalloka art pubblika fil-Belt lill-privat, mingħajr sejħa pubblika jew mingħajr diskussjoni fil-Parlament, tqajjem tħassib u mistoqsijiet kbar. Ma jistax ikun li art storika bħas-Suq tal-Belt tingħata lill-privat mingħajr informazzjoni.

Dan qalu x-Shadow Minister għad-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u d-Demokrazija Jason Azzopardi f’reazzjoni għall-aħbar li l-Gvern ta s-Suq tal-Belt lill-privat għal 65 sena.

Filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal kwalunkwe investiment mill-privat, Jason Azzopardi kkwota l-Liġi li tirregola d-Diżpożizzjoni tal-Art Pubblika. Qal li l-ebda proposta jew espressjoni ta’ interess ma hi biżżejjed għal din il-Liġi. Min-naħa l-oħra, hu essenzjali li tinħareġ sejħa pubblika ta’ tender.

Kienet din il-pożizzjoni tax-Shadow Minister li wasslet lill-Gvern biex jippjana li jressaq din il-proposta għal diskussjoni fil-Parlament. Li kieku ma kienx hekk, il-Gvern kien se jibqa’ għaddej bil-proċess tal-għoti tal-art pubblika.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Gvern qal li l-proġett ta’ immodernizzar fis-Suq tal-Belt se jkun lest sas-sena d-dieħla. Iżda wara l-kritika tal-Oppożizzjoni, il-Gvern ħareġ stqarrija biex jiġġustifika l-bidla fil-pjan u qal li se ssir diskussjoni Parlamentari wara l-waqfa tal-Għid.

U meta l-Gvern ta x’jifhem li l-kuntratt bejn iż-żewġ naħat hu konkluż u ffirmat – tant li fuq ix-xandir tal-Istat ixxandar kumment tal-General Manager tal-kumpanija privata magħżula mill-Gvern – fl-istqarrija ta’ aktar tard, il-Gvern qal li d-dibattitu fil-Parlament se jsir qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt finali.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi nnota wkoll kif l-aħbar ta’ proġett bħal dan waslet mingħand il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar u mhux mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Artijiet Pubbliċi, kif normalment jiġri.

Madankollu, u minħabba li ma saret l-ebda referenza għal diskussjoni Parlamentari – probabbli għax lanqas biss kienet ikkunsidrata mill-Gvern – id-Dipartiment tal-Informazzjoni kellu joħroġ stqarrija oħra biex jgħid li l-Gvern se jagħmel dibattitu Parlamentari.

Dan juri kemm anke mill-Oppożizzjoni, id-Deputati Nazzjonalisti qed ikunu effettivi u jagħmlu d-differenza għal deċiżjonijiet żbaljati li qed jieħu l-Gvern u l-esponenti ewlenin tiegħu.