Il-Prosekuturi fil-Ġermanja qalu li l-kopilota tal-ajruplan tal-Germanwings li ġġarraf nhar it-Tlieta qalb l-Alpi Franċiżi kien ibati minn marda u li ħa ħsieb jaħbi d-dettalji lill-kapijiet tal-kumpannija.
Dawn il-Prosekuturi, fil-belt ta’ Dusseldorf, ma żvelawx in-natura tal-marda tal-ko-pilota, Andreas Lubitz, iżda sostnew li kienu sabu ċ-ċertifikati tal-mard imqattgħin ‘fid-djar tiegħu’ – b’nota minnhom tkun irelatata għall-jum meta seħħ it-tiġrif.
L-istampa qalet li d-dokumenti tal-awtoritajiet għall-avvjazzjoni jissuġġerixxu li Lubitz kien ibati mid-dipressjoni u li hu kien jeħtieġ jgħaddi mill-evalwazzjoni kontinwa.
Il-Prosekuturi qalu li d-dokumenti mediċi li ħadu miż-żewġ residenzi ta’ Lubitz ( appartament f’Dusseldorf u d-dar tal-ġenituri barra Frankfurt) jindikaw ‘li hu kien ibati mill-effetti ta’ marda flimkien mat-trattament xieraq preskritt għall-kundizzjoni tiegħu’.
Miżura mill-Air Malta
L-Air Malta iddeċidiet li, fid-dawl tal-inċident bl-ajruplan tal-Germanwings, żewġ membri tal-ekwipaġġ iridu jkunu preżenti dejjem u f’kull ħin fil-kabina tal-ajruplani tagħha waqt titjira – bil-miżura tidħol fis-seħħ b’effett immedjat. Il-linja nazzjonali qalet li l-miżura qed tittieħed ‘minbarra l-proċeduri l-oħra tas-sigurta stabbiliti’.