Internazzjonali

Il-kunflitt jidher li se jirranka bil-kbir fil-Jemen

Kibret b’mod sinifikanti l-possibbilta ta’ offensiva mill-art fil-Jemen, bl-Eġittu jiddikjara li hu lest biex jibgħat it-truppi tiegħu lejn dan il-pajjiż f’każ li jkun neċessarju.
Din id-dikjarazzjoni ngħatat wara li l-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija wettqet attakki mill-ajru kontra r-ribelli Houthi tax-Xiti, li huma appoġġjati mill-Iran, li qed jippruvaw ikeċċu lill-President tal-Jemen, Abd-Rabbu Mansour Hadi.
Sadanittant, l-uffiċjali Għarab jittamaw li l-kampanja tal-ajru kontra l-Houthi – li għandha l-appoġġ tal-Istati Uniti, il-pajjiżi tal-Golf, l-Eġittu u t-Turkija – għandha ddgħajjef lir-ribelli. Jekk dan ikun il-każ, ma jkunx hemm il-ħtieġa għall-offensiva kbira fuq ir-ribelli fl-artijiet speċifiċi tal-Jemen.
Madankollu, il-Kap tar-ribelli Houthi, Abdulmalik al-Houthi, enfasizza li l-Jemen għandu jinbidel ‘f’qabar għall-elementi barranin li jippruvaw jinvadu l-pajjiż’. Dan qed jitqies bħala theddida diretta lill-koalizzjoni, b’al-Houthi qed isejjaħ biex tintemm ‘l-aggressjoni illegali li ma kenitx ipprovokata’.