Internazzjonali

It-traġedja tal-Germanwings: Il-Pulizija Ġermaniża tinvestiga oġġetti tal-ko-pilota

Il-Pulizija fil-Ġermanja ħatfu l-propjeta’ kollha tal-co-pilot li kollox qed jindika li b’mod deliberat saq l-ajruplan tal-Germanwings għall-muntanji tal-Alpi biex dan iġġarraf b’150 persuna abbord. Dan qabel ma sakkar lill-Kmandant tal-ajruplan barra mill-kabina tal-pilotaġġ biex ma jkunx jista’ jidħol.

Il-Pulizija fil-Ġermanja issa għandha fil-pussess tagħha l-propjeta’ ta’ Andreas Lubitz, raġel ta’ 28 sena, bl-iskop li tipprova tinvestiga x’kien il-motiv tal-ko-pilota.

Il-voice recorder li ġiet irkuprata miż-żona tat-traġedja tissuġġerixxi li Lubitz deliberatament beda jtajjar l-ajruplan lejn il-muntanji sakemm il-pilota kien imsakkar barra mill-kabina tal-pilotaġġ. L-ajruplan iġġarraf it-Tlieta li għadda waqt titjira minn Barċelona f’Spanja għal Dusseldorf fil-Ġermanja.

Intant b’rabta mat-traġedja tal-ajruplan tal-Germanwings il-Pulizija fil-Ġermanja qalu li r-raġel kien jgħix fid-dar mal-ġenituri tiegħu, fit-Tramuntana ta’ Frankfurt. Il-Pulizija qalu li mid-dar fejn kien joqgħod huma ħadu numru t’affarijiet, fosthom oġġett li jista’ jkun kruċjali biex jispjega il-motiv ta’ Lubitz li deliberatament ġarraf l-ajruplan ġol-muntanji.

Il-Pulizija, madanakollu, ma qalux x’inhu dan l-oġġett, filwaqt li pero’ żiedu li l-oġġett mhijiex ittra ta’ qabel suwiċidju. Dan filwaqt rapporti mhux konfermati fil-midja Ġermaniża li Lubitz kien isofri minn dipressjoni.