Linji tal-ajru madwar id-dinja bdew l-ewwel passi sabiex ibiddlu r-regoli tagħhom tal-ajruplani, biex jinkludu l-ħtieġa li żewġ membri tal-ekwipaġġ ikunu bilfors preżenti fil-kabina tal-pilotaġġ f’kull ħin waqt titjira.
Dan wara t-traġedja tal-Germanwings li seħħet it-Tlieta u li kollox qed jindika li l-ajruplan iġġarraff deliberatament, b’150 persuna abbord, mill-ko-pilota li sakkar lill-pilota barra mill-kabina tal-pilotaġġ.
Filfatt s’issa, numru kbir ta’ linji tal-ajru, fosthom mill-Kanada, in-Norveġja, il-Ġermanja u l-Ingilterra, kollha wegħdu li se jkunu qed jemendaw ir-regoli tagħhom. Anke’ l-linja tal-ajru Lufthansa, il-kumpanija-omm tal-kumpanija Germanwings, qalet li se tbiddel ir-regoli tas-sigurta’ tagħha.
Linji tal-ajru oħra li wkoll se jkunu qed ibiddlu r-regoli tas-sigurta’ jinkludu l-Air Canada, Norwegian Air Shuttle, Air Berlin, Easyjet, Virgin u Thomas Cook.
Ir-regoli l-ġodda jfissru li f’kull ħin waqt kull titjira li ssir, għandu jkun hemm minn tal-inqas żewġ membri tal-ekwipaġġ preżenti fil-kabina tal-pilotaġġ. Dan ifisser li l-ebda pilota jew ko-pilota ma jkun jista’ jitħalla waħdu fil-kabina tal-pilotaġġ, bil-possibilta’ li jissakkar fiha u tirrepeti ruħha t-traġedja li seħħet nhar it-Tlieta li għadda.
//= $special ?>