Fl-ewwel ġimgħat ta’ din is-sena, rajna żieda qawwija fil-prezz ta’ bosta ishma madwar id-dinja. Dan il-fenomenu konna ilna ma narawh snin twal. B’mod ġenerali, kumpaniji Ewropej raw żidiet sostanzjali li jaqbżu l-10% fl-ewwel xahrejn tas-sena.
Jidher li bosta investituri internazzjonali kienu qed iħarsu lejn l-Ewropa bħala post aktar sigur, fejn jinvestu u għaldaqstant naqsu milli jinvestu fi swieq emerġenti, tant li ċaqalqu l-investimenti tagħhom lejn l-Ewropa.
Dawn iż-żidiet ikkalmaw fl-aħħar jiem. S’issa, din is-sena, l-indiċi tad-Danimarka u l-Portugall kellhom żieda ta’ aktar minn 22% fil-valur. Dawk tal-Italja u l-Ġermanja raw żieda ta’ 20%, filwaqt li Franza u l-Fillandja raw il-valur tal-ishma tagħhom jiżdiedu bi 17%. L-indiċi Ingliż issaħħaħ b’madwar 7% fil-valur.
Il-kumpaniji tal-bio-teknoloġija issaħħu b’madwar 25% mill-bidu tas-sena s’issa. Madankollu, jidher ċar li bosta investituri ddeċiedew li jiġbdu parti sostanzjali tal-profitti li għamlu u għaldaqstant, il-prezz niżel b’madwar 10% fl-aħħar ġranet. Madankollu, l-ishma ta’ kumpaniji fil-bio-teknoloġija għadhom b’saħħithom ferm.
Il-fatt li l-Bank Ċentrali Ewropew qed ikompli jixtri bonds fuq is-swieq Ewropej wassal biex il-prezzijiet tal-bonds komplew jissaħħu. L-interessi offruti mill-banek għadhom baxxi ferm. Saħansitra, hemm banek li qed joffru imgħax taħt iz-zero, jiġifieri li l-individwu jħallas imgħax lil bank talli jżommlu flusu. Il-Bank Ċentrali Ewropew qed jimmira biex il-konsumatur jonfoq aktar ġaladarba l-banek mhux qed joffru mgħax għoli.
Iż-żejt għadu baxx
Il-prezz taż-żejt għadu ferm baxx meta mqabbel mal-prezz tal-aħħar snin. Madankollu, issa l-prezz ilu f’livelli baxxi ferm għal bosta xhur. Fl-aħħar jiem, l-Għarabja Sawdita wettqet attakk bl-ajru fuq il-Jemen u dan wassal għal żieda minima fil-prezz. Fi ftit sigħat wara l-attakk, il-prezz reġa’ nieżel, b’bosta ekonomisti qed ibassru li l-prezz jiflaħ jinżel aktar.
L-ishma ta’ Novo Nordisk jissudaw
Kumpanija tal-farmaċewtika li topera mid-Danimarka qed tkompli tirreġistra riżultati pożittivi. Fl-aħħar jiem, l-ishma ta’ din l-azjenda raw żieda ta’ 13% fil-valur. Dan hekk kif tħabbar li mistenni tpoġġi fis-suq insulina ġdida, li tista’ twassal għal żieda sostanzjali fil-bejgħ għal din il-kumpanija Daniża.
Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel 21493250. Tista’ tirċievi dan l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net.
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.