Lokali Qorti

L-akkużat jerġa’ jingħata l-libertà proviżorja dwar il-qtil tal-eks kunjatu fil-Kalkara

Gregorio Scicluna, ta’ 53 sena mill-Kalkara u li diġà kien ingħata l-libertà proviżorja, reġa’ ngħata l-libertà proviżorja wara talba oħra mid-Difiża. Il-libertà proviżorja kienet itteħditlu wara appell tal-Avukat Ġenerali u minħabba li ma kellux biex iħallas €30,000 depożitu u €30,000 oħra f’garanzija personali.

Din id-darba, il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Tonio Mizzi laqgħet it-talba tal-akkużat fuq depożitu ta’ €50,000 u garanzija personali ta’ €50,000 wkoll, kif ukoll bil-kundizzjoni li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun.

Scicluna, magħruf bħala “il-Goodie”, qed jiffaċċa total ta’ 11-il akkuża, b’dik l-aktar serja tkun ta’ omiċidju ta’ missier l-eks sieħba tiegħu. Hu jinsab mixli wkoll bl-attentat ta’ qtil tal-eks sieħba tiegħu Simone Caruana, ta’ 27 sena, u ta’ żewġ uliedhom bniet ta’ tliet u ħames snin. Jinsab akkużat ukoll li kkaġuna feriti serji fuq Simone Caruana u binthom ta’ tliet snin.

Akkużi oħrajn jinkludu wkoll li kkaġuna offiża gravi u permanenti fuq Simone Caruana, pusses ta’ arma tan-nar meta wettaq id-delitt, sparar ta’ arma tan-nar f’post abitat, pusses ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, serq ta’ arma u munizzjon, ħsara volontarja u li laqa’ għandu arma tan-nar.

Minn informazzjoni li kiseb MaltaRightNow.com, jirriżulta li Scicluna mistenni jbigħ id-dar tiegħu biex ikun jista’ jħallas id-depożitu u joħrog mill-ħabs. Minbarra l-libertà proviżorja, Scicluna ngħata ordni mill-Qorti biex ikun id-dar bejn id-9pm u s-7am. Hemm ukoll ordni ta’ Protezzjoni kontra l-akkużat fil-konfront ta’ Simone Caruana u wliedha, kif ukoll li Scicluna ma jsifirx, li ma javviċinax lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni, li ma jikkommettix delitt ieħor ta’ natura volontarja u li jekk jibdel l-indirizz jinforma lill-Pulizija.

Il-Prosekuzzjoni qed issostni li hu spara tliet tiri mill-qrib u qatel lil Joseph Caruana, ta’ 61 sena, fis-27 ta’ Ottubru 2013. Mill-provi kien irriżulta li l-vittma ntlaqat darbtejn f’idu l-leminija u darba fis-sinsla ta’ dahru. Allegatament, Scicluna kellu argument mal-eks sieħba tiegħu u waqt li din ippruvat taħrab mill-aggressjoni flimkien mat-tfal u ma’ missierha, Gregorio fetaħ in-nar fuqhom minn wara. Simone Caruana u wliedha ġarrbu feriti gravi, filwaqt li missier ha tilef ħajtu fil-post.

Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Michael u Lucio Sciriha, filwaqt li l-Avukat Stephen Tonna Lowell qed jirrappreżenta lill-vittmi. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Stephen Pullicino, Keith Arnaud u Robert Said Sarreo.