Lokali

Tal-LE qed jippruvaw ibeżżgħu lill-pubbliku – il-kampanja IVA

Permezz ta’ stqarrija, il-kampanja IVA bħala Maltin u Ewropej qalet li tiskanta kif il-Kampanja tal-LE issa qed tipprova tbeżża’ lill-pubbliku, li qed ikollu jħallas aktar taxxa minħabba l-Kaċċa fir-Rebbiegħa.

Skont l-istqarrija tal-IVA, din hi ħrafa oħra minn sensiela ta’ gideb. Kien spjegat li l-applikazzjoni tad-Deroga jagħmlu tajjeb għaliha l-ħlas tal-liċenzji u miżati oħrajn mill-istess kaċċaturi. Jekk hawn taxxa li l-poplu se jkollu jħallas hi dan ir-Referendum, li qed isir minkejja li l-poplu diġà ddikjara ruħu fir-Referendum għas-Sħubija fl-UE u minkejja sentenza tal-Qorti Ewropea dwar l-istess suġġett.

Il-kampanja IVA temmen li dan ir-Referendum inbeda għax il-kamp tal-LE tilef l-argumenti kollha fl-Ewropa, filwaqt li jghidu li l-poplu qed ikollu jħallas għall-manuvri tal-AD maħsuba biss biex jimminaw il-Parlament Malti. L-istqarrija temmet tghid li l-kampanja IVA tħeġġeġ lin-nies jivvutaw favur il-bilanċ u t-tolleranza.