Internazzjonali

Tkompli l-inċertezza dwar il-karriera ta’ Jeremy Clarkson

Il-karriera tal-preżentatur Jeremy Clarkson tista’ tispiċċa f’periklu serju f’każ li hu jinstab ħati dwar reat kriminali. Jekk dan iseħħ, Clarkson, li hu famuż, fost oħrajn, għall-programm ‘Top Gear’, ma jkunx jista’ jaħdem u jtella’ aktar programmi fl-Istati Uniti.

Clarkson, li għandu 54 sena, spiċċa mkeċċi mill-Istazzjon BBC wara li hu aggredixxa, fiżikament, lil produttur ġo lukanda f’Yorkshire. Intant, il-preżentatur Britanniku qed jiffaċċja l-akkużi potenzjali wara li l-pulizija talbet biex tara r-rapport tal-BBC rigward l-attakk fuq il-produttur li qed jingħad li seħħ ‘mingħajr provokazzjoni’.

Fl-istess ħin, mifhum li Jeremy Clarkson hu mħasseb ħafna dwar il-prospett ta’ kwistjonijiet legali fil-ġejjieni. Dan meta l-preżentatur jaf li l-opportunitajiet tiegħu biex jaħdem fl-Istati Uniti (fejn diġa sar famuż) għandhom jieħdu daqqa ta’ ħarta kbira f’każ li hu jispiċċa arrestat.

Qed jingħad ukoll li Clarkson — li għadu ma kkummentax fil-pubbliku dwar it-tkeċċija mill-BBC — għandu ambizzjonijiet kbar li jkattar il-karriera tiegħu fl-Istati Uniti, iżda l-affarijiet, għalih, qed jidhru aktar inċerti.

Il-Pulizija ta’ North Yorkshire (fir-Renju Unit) ikkonfermaw li għaddejjin bil-kuntatti mal-BBC rigward l-attakk ta’ Clarkson fuq il-produttur, Oisin Tymon, li kien seħħ f’lukanda, fl-inħawi ta’ Hawes. Fl-attakk, Tymon sofra sfreġju ħafif f’wiċċu, bil-konfront ma’ Clarkson jintemm biss wara l-intervent ta’ raġel li segwa l-inċident.

Kelliema għall-Pulizija, intant, qalu li talbu lill-BBC għar-rapport li jinkludi d-dettalji tal-investigazzjoni dwar il-każ. Dan meta l-pulizija għandhom jevalwaw l-informazzjoni ‘u fejn ikunu lesti biex jieħdu azzjoni, f’każ li neċessarju’.