Lokali Qorti

Tobba jikkonfermaw li l-feriti li ġarrab Tanti kienu kompatibbli ma’ waqgħa mill-għoli

Illum kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Erin Tanti, li qed ikun mixli bil-qtil ta’ Lisa Marie Zahra, li kienet instabet mejta taħt l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli fid-19 ta’ Marzu 2014. Mix-xhieda tat-Tabib Peter Paul Vassallo fil-Qorti, irriżulta li l-feriti li ġarrab Tanti huma kompatibbli ma’ waqgħa mill-għoli għal fuq xi ħaġa iebsa.

Jirrizulta li fir-rapport tiegħu, it-Tabib Vassallo kiteb li Tanti allegatament kien waqa’ minn għoli, possibbilment bħala parti minn patt suwiċida. Fil-Qorti xehed ukoll it-Tabib Noel Borg, li qal li l-feriti li kellu Erin Tanti kienu gravi u li jirriżulta li Tanti kien ilu 24 siegħa fuq il-blat.

Erin Tanti qed jiġi mixli b’sitt akkużi, primarjament ta’ qtil volontarju, li ġiegħel lil Lisa Marie toqtol ruħha b’idejha, kif ukoll li matul il-ġranet u l-ġimgħat ta’ qabel, ikkorrompa liż-żagħżugħa. Qed jiġi mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu materjal indiċenti meta kellu l-kontroll jew il-kustodja ta’ tfajla taħt l-età.

L-Avukati Michael Sciriha u Lucio Sciriha qed jiddefendu lil Tanti, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud, Silvana Briffa u Josric Mifsud. L-Avukat Gianella Demarco, Joseph Giglio u Stephen Tonna Lowell qed jidhru bħala parti ċivili għan-nom tal-familja tal-vittma.

Il-kumpilazzjoni tkompli fit-30 ta’ April li ġej.