Il-battalja legali twila tal-Amerikana, Amanda Knox, sa fl-aħħar ġiet konkluża wara li l-Ogħla Qorti tal-Appell, fl-Italja, ikkonfermat li m’għadhiex valida l-kundanna tagħha għall-omiċidju tal-istudenta Ingliża, Meredith Kercher, li kien seħħ, fl-2007, fil-belt Taljana ta’ Perugia.
Il-verdett ingħata tard fil-lejl tal-Ġimgħa u Knox qalet li qed tħossha ‘ferħana se ttir’ u li ‘għadha qed tipprova tniżżel il-fatt li ħelset minn ħmar il-lejl.’ Meta kellmet lill-ġurnalisti barra r-residenza tagħha fil-belt ta’ Seattle, fl-Istati Uniti, l-Amerikana esprimiet ringrazzjament ‘għal kif imxiet magħha l-ġustizzja, kif ukoll għall-appoġġ li hi ingħatat f’dan iż-żmien diffiċli’.
Il-qorti Taljana anki annullat il-kundanna ta’ Raffaele Sollecito, l-eks-sieħeb ta’ Knox, b’konnessjoni mal-istess delitt; b’dan ikun l-aħħar verdett fil-każ wara tliet deċiżjonijiet tal-qorti preċedenti.
Meredith Kercher, li kellha 21 sena, inqatlet b’diversi daqqiet ta’ sikkina fl-appartament fejn kienet tgħix flimkien ma’ Knox, u l-verdett finali tal-Ogħla Qorti Taljana ħalla lill-ommha xxukkjata u ddispjaċuta ferm.
Amanda Knox u Sollecito kienu nstabu ħatja dwar l-omiċidju fl-ewwel proċess li kien konkluż fl-2009. Huma inħelsu sentejn wara meta s-sentenzi ta’ kundanna kienu annullati, iżda qorti oħra, fl-Italja, proprju s-sena l-oħra, mill-ġdid iddeċidiet li dawn is-sentenzi kienu validi.
Amanda Knox, li ilha tgħix fl-Istati Uniti għal dawn l-aħħar snin, kienet damet il-ħabs għal erbgħa snin waqt il-proċess tal-qorti, meta hi u Sollecito dejjem insistew li huma innoċenti.
//= $special ?>