Kummerċ Lokali Saħħa

Ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn Caremark Malta u Hilltop Gardens

Ritratt mill-arkivji

Ġie iffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-kumpanija Caremark Malta u l-Villaġġ ta’ Irtirar għall-anzjani Hilltop Gardens.

Il-ftehim ġie iffirmat minn Anglu Xuereb, Direttur ta’ AX Holdings li huma l-mohh wara l-progett ta’ Hilltop Gardens u Kenneth Demartino minn Caremark Malta. Din il-kollaborazzjoni se twassal biex Caremark jieħdu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kura tal-anzjani ladarba jiftaħ il-proġett Hilltop Gardens fin-Naxxar.

Anglu Xuereb spjega li dan il-villaġġ għall-anzjani huwa ħolma li hu kellu għal dawn l-aħħar 24 sena.

Id-direttur ta’ AX Holdings qal li dan il-proġett se joffri villaġġ sħiħ għall-anzjani, kemm dawk dipendenti kif ukoll anzjani independenti li jkunu jridu jgħixu f’ambjent sigur u rilassanti.

Hilltop Gardens se joffru 150 appartament għall-anzjani. Se jkun hemm faċilitajiet varji, ġonna, kmamar komdi, swimming pools, ċentru tal-fitness, swali kbar, librerija, pitch tal-boċċi u saħansitra kappella.

Waqt iċ-ċerimonja ta’ iffirmar bejn AX Holdings u Caremark, tkellemet ukoll Jacqueline Camilleri, il-Kap Eżekuttiv ta’ Hilltop li spjegat id-dettalji ta’ dan il-proġett kif ukoll Kenneth Demartino f’isem Caremark.