Kunsilli Lokali Lokali

Għawdex jixraqlu Kunsilli Lokali li kapaċi jagħmlu d-differenza

Ħarsa lejn il-Kunsilli Lokali f’Għawdex turi biċ-ċar kemm il-Partit Nazzjonalista jaħdem għal għawdex, b’kunsilli b’maġġoranza Nazzjonalista li ġabu bidla għar-residenti. Mhux l-istess jista’ jingħad għal-lokalitajiet fejn hemm maġġoranza Laburista.

Qal dan is-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha kien akkumpanjat minn tlieta mis-37 kandidat li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’Għawdex; Paul Buttigieg għall-Qala, Maria Finger għan-Nadur u Joseph Attard, kandidat għal-lokalita’ tax-Xagħra.

Hu ta’ ħarsa lejn uħud mil-lokalitajiet f’Għawdex fosthom San Lawrenz, fost l-iżgħar lokalitajiet li tmexxiet minn maġġoranza Nazzjonalista. Lokal li akkwista iktar minn 2 miljuni biex għamel sqaqien kollha ġodda, pjazza rinovata, xogħol fil-Bajja tad-Dwejra u restawr fiż-żona tal-Knisja fost l-oħrajn.

Anke’ f’Kerċem fejn kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista wettaq b’suċċess il-proġett ta’ ċentru ċiviku waqt li se jkun inawgurat ukoll ġnien fiċ-ċentru tal-lokalita’.

Fil-Munxar fl-aħħar tliet snin tlesta parti mill-proġett tal-pjazza, saret playing field, kif ukoll ir-restawr ta’ mitħna fost l-oħrajn.
U fin-Nadur il-maġġoranza Nazzjonalista wasslet biex il-proġetti kollha fil-lokalita’ saru frott tal-ħidma ta’ dan il-kunsill.

Minn naħa l-oħra mhux l-istess qed igawdu r-residenti ta’ lokalitajiet immexxija minn maġġoranza Laburista. Fix-Xagħra l-Partit Laburista wiegħed ċentru ċiviku li dwaru baqa’ ma sar xejn u t-Triq ta’ Marsalforn li l-ispejjeż dwarha għolew tant minkejja li saret biss parti minnha.

U fil-Qala għal snin il-Partit Laburista wiegħed pixxina flok id-distillatur fil-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien; proġett li lanqas beda.

Dan filwaqt li l-Gvern Laburista hu mehdi jqassam il-flus lin-nies ta’ fiduċja bħall-14-il persuna ta’ fiduċja li għandu l-Ministru għal Ghawdex Anton Refalo u li jaqilgħu paga ta’ iktar minn kwart ta’ miljun ewro għal konsulenzi. Somma li ma tinkludix allowances u ħlasijiet oħra.

Huma ngħataw flus li setgħu intużaw biex jittaffa d-diżastru fit-toroq Għawdxin, jew jiġu mgħejuna raħħala u bdiewa.