Ambjent Lokali

Il-kampanja Iva tgħid li l-Iva’ hija għażla favur il-bilanċ u t-tolleranza

In-nies għandhom għażla – fuq naħa l-bilanċ u r-rispett lejn min jipprattika d-delizzju tiegħu skont il-liġi, u fuq naħa oħra t-tnaqqir ta’ dritt li għandu pajjiżna sabiex japplika deroga bħal Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

Dan kien il-punt ewlieni tad-djalogu pubbliku mtella’ minn Iva, bħala Maltin u Ewropej illum ġewwa Birkirkara. Il-kelliema tal-kampanja Dr. Kathleen Grima saħqet li d-dritt ta’ Malta li tiftaħ staġun ta’ kaċċa fir-Rebbiegħa ġie rikonoxxut mill-poplu fir-referendum għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2003 u bis-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-2009.

Il-kelliema kritikat dak li ddeskriviet bħala l-aktar gidba riċenti mill-kampanja tal-‘Le’ fejn qalet li qed ibeżżgħu li l-kaċċa fir-Rebbiegħa qed issarraf f’xi taxxi ġodda għall-poplu Malti. Grima spjegat kif kemm l-applikazzjoni tad-deroga u kif ukoll l-infurzar huma koperti mil-liċenzji u miżati oħra li jħallsu l-kaċċaturi kull sena.

Żiedet tgħid li jkun aħjar jekk il-kamp tal-‘Le’ jispjega kemm dan ir-referendum ser jiswa lill-poplu Malti. Il-poplu qed iħallas għall-estremiżmu tal-‘Le’ li ma jridux jaċċettaw il-fatt li l-istaġun tal-kaċċa limitat fir-Rebbiegħa huwa permessibli anke mill-Kummissjoni Ewropea.

Fil-verità, saħqet Grima, il-poplu qed ikollu jħallas għall-għebusija tar-ras tal-Alternattiva Demokratika li qed tiġbed l-ispag tal-kampanja tal-‘Le’ sabiex timponi l-aġenda tagħha minn barra l-Parlament. Grima fakkret li wara l-garanzija mill-istess esponenti tal-‘Le’ li l-kaċċa fir-Rebbiegħa se tibqa’, u wara l-garanzija li taw li se tiġi rrispettata s-sentenza tal-Qorti Ewropea, issa jridu jatu garanzija oħra li wara l-kaċċaturi ma jkunx hemm prattiċi oħra li jiġu attakkati mill-istess Alternattiva Demokratika. Kienu wara kollox Arnold Cassola u Carmel Cacopardo li f’aktar minn okkażżjoni waħda qalu li dan għadu biss il-bidu t’aktar referenda sostniet il-kelliema għal kampanja Iva.

“Sfortunatament il-kamp tal-‘Le’ ma jistax jaċċetta l-prinċipju li wieħed ma jistax jelimina attivita legali u legittima għaliex ma tkunx togħġbu jew ma jaqbilx magħha. Minkejja dan, il-kampanja ‘Iva’ mhux se thedded u tbeżża’ li jekk jirbaħ il-‘Le’ tkun intilfet id-demokrazija” qalet Kathleen Grima. Grima sejħet id-dikjarazzjonijiet li għamlu l-esponenti tal-‘Le’ ġewwa Birkirkara bħala inkwetanti u li tinsulta l-intelliġenza tal-pubbliku.

Hija temmet id-diskors tagħha billi fakkret li ‘Iva’ hija għażla pożittiva favur ir-rispett lejn xulxin, fejn nirrispettaw il-fatt li kulħadd għandu attivita’ rekreattiva għal qalbu u fejn nisħqu favur delizzji oħra prattikati b’responsabbiltà. Vot ‘Iva’ huwa wkoll vot favur drittijiet indaqs fl-Unjoni Ewropea temmet tgħid Grima.