Kunsilli Lokali Lokali

Ir-residenti tal-Għargħur qed igawdu mill-proġetti li għamel il-Kunsill Lokali

Fi tmiem din il-leġiżlatura tal-Kunsill Lokali, r-residenti tal-Għargħur qed igawdu mid-diversi proġetti li wettaq il-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista. Dan hu eżempju ċar ta’ meta Kunsill Lokali jaħdem mingħajr kontroversji u fl-interess tar-residenti kollha.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Ġnien il-Paċi – wieħed mill-proġetti li saru f’din il-leġiżlatura.

It-tliet proġetti prinċipali li saru mill-Kunsill Lokali f’din il-leġiżlatura huma l-bini mill-ġdid ta’ Ġnien tal-Ponti permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, r-refurbishment ta’ Ġnien il-Paċi b’apparat tal-ogħla standards, manutenzjoni u xogħol fuq toroq, kif ukoll miżuri ta’ sigurtà fit-toroq kemm għal min ikun qed jimxi kif ukoll għal min ikun qed isuq.

“Kunsill Lokali effiċjenti hekk jaħdem : iġib il-fondi mill-Unjoni Ewropea, u juża l-flus tiegħu bl-aħjar mod possibli,” qal Beppe Fenech Adami.

Fl-aħħar tliet snin, saru affarijiet oħra, bħal attivitajiet diversi, fosthom il-Mixja sal-Għar, Milied fil-Pjazza, u l-Ħuġġieġa ta’ San Ġwann. Beppe Fenech Adami fakkar li l-Kunsill Lokali tal-Għargħur issa għandu sit elettroniku ġdid li permezz tiegħu, r-residenti jistgħu jkunu aktar viċin ir-rappreżentanti tagħhom.

Minn naħa tiegħu, l-Kelliem tal-Kunsilli Lokali, ż-Żgħażagħ u l-Isport David Agius aċċenna għall-fatt li wieħed jista’ jinduna li f’kull lokalità li fiha kien hemm maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista fit-tmexxija tal-Kunsilli Lokali, llum, fi tmiem it-terminu tal-Kunsilli, r-residenti jistgħu jaraw b’għajnejhom il-ħidma li twettqet fl-aħħar tliet snin.

Hu sostna li filwaqt li l-Partit Laburista għandu maġġoranza komda f’din l-elezzjoni, l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel ħiltu kollha biex iġib riżultat tajjeb f’din l-elezzjoni. Fil-fatt, il-kandidati kollha qed jagħmlu house visits, u jkunu viċin ir-residenti fil-lokalitajiet.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew is-Sindku tal-Għargħur Mario Gauci kif ukoll il-kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista.