Smart City mistennija tkompli tespandi hekk kif is-settur privat ħabbar investiment li permezz tiegħu se jinbena sptar ġdid privat ta’ mitejn sodda. Dettalji dwar dan l-investiment ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fi Smart City stess.
Oriġinarjament, l-aħbar li se jinfetaħ sptar ġdid privat f’Smart City, kienet ġiet żvelata mill-ġurnal The Sunday Times of Malta, fl-edizzjoni tal-Ħadd 22 ta’ Marzu. Dakinhar, The Sunday Times kienet irrapurtat li dan il-proġett kien ilu magħruf mis-sena li għaddiet. Ir-rapport kien qal ukoll li l-Uffiċju tal-Prim Ministru ta struzzjonijiet ċari sabiex ma jiġux żvelati dettalji dwar dan l-investiment, biex ikun il-Prim Ministru li jħabbar dan l-investiment f’data qrib l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-11 t’April.
U filfatt, kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li b’diskors li għamel, għalaq il-Konferenza tal-Aħbarijiet li saret f’Smart City fejn tħabbar dan l-investiment u ma tilifx wisq żmien sakemm ftit minuti wara kien qed jiftaħar b’dan l-investiment f’attivita’ politika f’Hal Kirkop.
L-isptar San Ġwanni Pawlu t-Tieni li se jiftaħ fi Smart City, se jiżdied ma’ negozji kbar oħra li fetħu jew mexxew l-operat tagħhom għal ġewwa Smart City fis-snin li għaddew. L-isptar, b’investiment mill-privat ta’ €100 miljun se jkun jinkludi mitejn sodda u għandu jilqa’ l-ewwel pazjenti fl-2017. L-isptar se jkun jinkludi sports medicine centre, kif ukoll ċentru għal mediċina speċjalizzata.
Francesco Rossi, direttur tal-kumpanija li se tkun qed tagħmel dan l-investiment, qal li l-kumpanija għażlet li topera minn SmartCity Malta minħabba numru ta’ raġunijiet fosthom l-infrastruttura ta’ livell għoli f’Smart City kif ukoll l-istrateġija ta’ Smart City Malta li toħloq network ta’ oportunitajiet li jaqdu l-ħtiġijiet tas-swieq Ewropej u dawk fl-Afrika ta’ Fuq.
//= $special ?>